Professjoni
impjieg jew sengħa miksuba wara taħriġ speċjalizzat / From Wikipedia, the free encyclopedia
Professjoni hija okkupazzjoni stabbilita permezz ta’ taħriġ edukattiv speċjalizzat, bl-għan li jingħataw pariri u jiġi pprovdut servizz b’mod oġġettiv u mingħajr kunflitt ta’ interessi lill-oħrajn, għal kumpens dirett u definit, lil hinn għalkollox mill-aspettattiva ta’ gwadann kummerċjali ieħor.[1] It-tradizzjoni Medjevali u moderna bikrija kienet tirrikonoxxi tliet professjonijiet biss: id-divinità, il-mediċina u d-dritt, li kollettivament kienu jissejħu l-“professjonijiet tal-imgħallma”.[2][3][4] Professjoni mhix sengħa u mhix industrija.[5][6]
It-terminu professjoni hija forma mqassra tal-kunċett ta’ professjoni liberali, li oriġina mill-kunċett Franċiż profession libérale. Fis-sekli 19 u 20, it-terminu ssellef kemm-il darba. Fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, eżattament fid-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali, il-“professjonijiet liberali” huma “dawk il-professjonijiet li jiġu pprattikati abbażi ta’ kwalifiki professjonali rilevanti b’mod personali, responsabbli u indipendenti professjonalment minn dawk li jipprovdu servizzi intellettwali u kunċettwali fl-interess tal-klijent u tal-pubbliku”.
Xi professjonijiet ivarjaw kemxejn bħala status u poter, iżda l-prestiġju tagħhom ġeneralment jibqa’ stabbli tul iż-żmien, anke jekk il-professjoni jibda jkollha iktar rekwiżiti ta’ studju u ta’ edukazzjoni formali.[7] Iktar reċentement id-dixxiplini bħal pereżempju l-arkitettura ġew formalizzati u issa jirrikjedu perjodi twal ta’ studju bl-istess mod.[8]
Għalkemm il-professjonijiet jistgħu jgawdu minn status u prestiġju pubbliku relattivament għoljin, mhux il-professjonisti kollha jaqilgħu salarji għoljin, u anke fi ħdan professjonijiet speċifiċi jeżistu differenzi sinifikanti fis-salarji. Fid-dritt, pereżempju, avukat tad-difiża korporattiv li jaħdem bis-siegħa jaf jaqla’ diversi drabi iktar dak li jaqla’ prosekutur jew difensur pubbliku.