![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/e/e9/Serial_Podcast.jpg/640px-Serial_Podcast.jpg&w=640&q=50)
Poddata
From Wikipedia, the free encyclopedia
Poddata hija programm disponibbli f'format diġitali li jista' jitniżżel mill-Internet.[1][2][3] Ngħidu aħna, serje ta' episodji ta' fajls tal-ħoss diġitali li utent jista’ jniżżel fuq tagħmir personali biex jismagħhom meta jixtieq. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-poddati jixxandru bħala ħoss biss, xi programmi jittellgħu wkoll bil-filmati magħhom.[4] L-apps tax-xandir bl-internet u s-servizzi tal-poddatti huma sistemi komdi biex minn post wieħed, wieħed jieħu ħsieb għadd ta' sensiliet għall-konsum personali li ġejjin minn għadd sorsi ta’ poddati u tagħmir tad-daqq. Hemm ukoll servizzi tat-tiftix tal-poddati li jgħinu lill-utenti jsibu u jaqsmu episodji partikolari ta' xi poddata.[5]
![A podcast being played through a podcast app on an iPhone](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/e/e9/Serial_Podcast.jpg/640px-Serial_Podcast.jpg)
Serje ta’ poddati normalment fiha preżentatur rikorrenti wieħed jew aktar involuti f’diskussjoni dwar suġġett partikolari jew avveniment kurrenti. Diskussjoni u kontenut f'poddata jistgħu jvarjaw minn dawk mibnija fuq skript bir-reqqa għal dawk kompletament improvizzati. Il-podcasts jgħaqqdu produzzjoni ta' ħoss elaborata u artistika ma' tħassib tematiku li jvarja minn riċerka xjentifika għal ġurnaliżmu popolari. Ħafna serje ta’ poddati jintrabtu ma' website li toffri ħoloq u noti dwar il-produzzjoni, bijografiji tal-mistednin, traskrizzjonijiet, riżorsi addizzjonali, kummentarji, u kultant forum komunitarju ddedikat biex jiddiskuti l-kontenut tal-episodju.
L-prezz għall-konsumatur huwa baxx għax il-biċċa l-kbira tal-poddatti jistgħu jitniżżlu b'xejn. Xi poddati huma prodotti minn korporazzjonijiet jew sponsorjati, bl-inklużjoni ta' reklami kummerċjali. F'każijiet oħra, poddata tista' tkun impriża kummerċjali appoġġjata minn taħlita ta' mudell ta' abbonament imħallas u reklamar. Minħabba li l-kontenut tal-poddati spiss ikun b'xejn, dan il-format ħafna drabi huwa kklassifikat bħala wieħed li jfixkel il-mezzi konvenzjonali, b'mod partikulari fil-mudell ta' manteniment finanzjarju.
Poddata tinvolvi l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' fajls awdjo, u xi drabi video, bl-użu ta' RSS feeds intenzjonati biex jinqraw mill-apparat tal-utenti abbonati. Il-produttur tal-poddata ħafna drabi jixrti dan is-servizz mingħand kumpaniji apposta, iżda mhux bilfors. Kumpaniji tal-hosting imbagħad iqassmu dawn il-fajls awdjo għal servizzi ta' streaming, bħal Apple u Spotify, li l-utenti jistgħu jisimgħu fuq l-ismartphones tagħhom jew mużika diġitali u plejers multimedjali, bħal iPhone.
F'Diċembru tal-2022, kien hemm mill-anqas 2,999,008 poddata b'152,596,784 episodju.[6]