park nazzjonali fil-Belarussja From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha (bir-Russu: Национальный парк «Беловежская пуща», bil-Belarussu: Нацыянальны парк Белавежская пушча[1]) huwa park nazzjonali f’partijiet mir-Reġjuni ta’ Brest (id-Distretti ta’ Kamyanyets u Pruzhany) u Grodno (id-Distrett ta’ Svislach) fil-Belarussja biswit il-fruntiera mal-Polonja. Mill-1992[2] tniżżel bħala l-komponent tal-Belarussja (flimkien mal-komponent tal-Polonja msejjaħ Park Nazzjonali ta’ Białowieża) tas-Sit ta’ Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO tal-Foresta ta’ Białowieża[3], l-aħħar framment ta’ foresta primordjali tal-boskijiet Ewropew li fil-qedem kienet tiksi l-Pjanura Ewropea kollha. F’dan is-Sit ta’ Wirt Dinji tgħix popolazzjoni kbira ta’ biżonti Ewropej l-iktar annimali tal-art tqal tal-kontinent. Il-fruntiera bejn il-Belarussja u l-Polonja taqsam dan is-Sit ta’ Wirt Dinji fi tnejn: il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha fuq in-naħa tal-Belarussja u l-Park Nazzjonali ta’ Białowieża fuq in-naħa tal-Polonja. Minn Mejju 2015, iż-żewġ pajjiżi qablu li jadottaw reġim ħieles mill-viżi fi ħdan il-foresta, biex in-nies bil-mixi u ċ-ċiklisti li jiġu biex jaqsmu l-fruntiera Pierarova-Białowieża jkunu jistgħu jagħmlu dan b’mod ħieles fl-istess jum.[4][5]
Il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha huwa wkoll parti minn Riżerva ta’ Bijosfera li skont l-aħħar stħarriġ tal-2015 tokkupa erja ta’ 216,200 ha (2,162 km2), li hija suddiviża f’żoni ta’ tranżizzjoni, ta’ lqugħ u tal-qalba. Skont l-aħħar stħarriġ tal-2015, il-park nazzjonali jokkupa erja ta’ 150,069 ha (1,500.69 km2) u jinsab xi 70 km fit-Tramuntana ta’ Brest.[6] Ir-riżervi naturali u l-parks nazzjonali jkopru 2.7 % tat-territorju tar-Reġjun ta’ Brest u 2.6 % tat-territorju tar-Reġjun ta’ Grodno.[7]
Il-biċċa l-kbira tal-Foresta ta’ Białowieża ġiet iddikjarata bħala park nazzjonali fil-11 ta’ Awwissu 1932 matul il-perjodu tat-Tieni Repubblika Pollakka. Fis-snin 30 tas-seklu 20, il-popolazzjoni ta’ biżonti fis-selvaġġ kienet kważi spiċċat għalkollox u beda programm ta’ tnissil biex il-popolazzjoni tirkupra.[8] Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-foresta ġiet diviża f’konformità mal-ftehim dwar il-fruntieri bejn il-Polakki u s-Sovjetiċi t’Awwissu 1945, iktar speċifikament bejn ir-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja u l-SSR tal-Belarussja tal-Unjoni Sovjetika.
Il-Polonja reġgħet fetħet il-Park Nazzjonali ta’ Białowieża fl-1947. Fl-1957, il-parti tal-Belarussja rċeviet status ġdid - “Riżerva-Żona tal-Kaċċa tal-Istat” (bir-Russu: Государственное заповедно-охотничье хозяйство), maħsuba għar-rikreazzjoni tal-mexxejja ewlenin tal-istat Sovjetiku u l-mistednin tagħhom minn pajjiżi sħab. Fl-1991, il-foresta kisbet l-istatus attwali tagħha bħala park nazzjonali statali.
Il-kwartieri ġenerali tal-park jinsabu f’Kamieniuki. Fl-2009, il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha ċċelebra s-600 anniversarju tiegħu bl-istatus ta’ riżerva.[9] Inbnew ukoll lukandi u kafetteriji biex jilqgħu t-turisti li jiġu jżuru l-park. All of the hotels and cafes were rebuilt and new ones were added to the park. Iċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Ekoloġika, li jospita l-Mużew tan-Natura, inbena dak iż-żmien ukoll. Bejn wieħed u ieħor, 300,000 ruħ iżuru l-park kull sena.
Il-Foresta ta’ Białowieża ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[3] Mill-1992, il-foresta bdiet titqies bħala sit transnazzjonali magħmul minn żewġ komponenti: il-komponent tal-Belarussja magħruf bħala l-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha u l-komponent tal-Polonja magħruf bħala l-Park Nazzjonali ta’ Białowieża.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta’ ekosistemi u ta’ komunitajiet ta’ pjanti u ta’ annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar”; u l-kriterju (x) “Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta’ valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni”.[3]
Il-valur tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (ix) ladarba l-foresta tikkonserva kumpless diversifikat ta’ ekosistemi forestali protetti li jirrappreżentaw ir-reġjun ekoloġiku terrestri tal-foresti mħallta tal-Ewropa Ċentrali, kif ukoll firxa ta’ ħabitats mhux forestali assoċjati, fosthom mergħat mistagħdra, widien tax-xmajjar u artijiet mistagħdra oħrajn. Iż-żona madwar is-sit għandha valur għoli ħafna ta’ konservazzjoni tan-natura, inklużi l-foresti primordjali estensivi. Iż-żona forestali kbira u integrali ssostni ktajjen tal-ikel sħaħ, fosthom popolazzjonijiet vijabbli ta’ mammiferi kbar u karnivori kbar bħal-lupu, il-linċi u l-lontra fost oħrajn. Ir-rikkezza ta’ injam mejjet fl-art tal-foresta, tippermetti li jkun hemm diversità enormi ta’ fungi u invertebrati saprossiliċi (jiġifieri dawk li l-għajxien tagħhom jiddependi fuq l-injam mejjet jew li qed imut). It-tradizzjoni twila tar-riċerka rigward din l-ekosistema forestali li ftit li xejn ġiet iddisturbata tul is-sekli, u d-diversi pubblikazzjonijiet, fosthom id-deskrizzjoni ta’ speċijiet ġodda, tikkontribwixxi ferm ukoll għall-valuri ta’ dan is-Sit ta’ Wirt Dinji.[3]
Il-valur tas-sit ġie rrikonoxxut ukoll abbażi tal-kriterju (x) peress li l-Foresta ta’ Bialowieza hija żoni insostitwibbli għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, b’mod partikolari minħabba d-daqs, l-istatus tal-protezzjoni, u n-natura sostanzjalment mhux disturbata tagħha. Fis-sit tgħix l-ikbar popolazzjoni ta’ biżonti Ewropej fis-selvaġġ, li jitqiesu bħala l-ispeċi ikonika tas-sit. Madankollu, il-valuri tal-konservazzjoni tal-bijodiversità huma estensivi, u jinkludu l-protezzjoni ta’ 59 speċi ta’ mammiferi, iktar minn 250 speċi ta’ għasafar, 13-il anfibju, seba’ rettili, u iktar minn 12,000 invertebrat. Id-diversità tal-flora hija sinifikanti fil-livell reġjonali, u s-sit huwa partikolarment notevoli wkoll għall-konservazzjoni tal-fungi. Ġew skoperti diversi speċijiet ġodda fis-sit u bosta speċijiet mhedda għadhom irrappreżentati sew ukoll.[3]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.