Park Nazzjonali ta' Doñana
park nazzjonali fi Spanja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Park Nazzjonali ta' Doñana (bl-Ispanjol: Parque Nacional de Doñana) huwa riżerva naturali fl-Andalusija, fin-Nofsinhar ta' Spanja, fil-provinċji ta' Huelva (il-biċċa l-kbira tat-territorju tagħha), Cádiz u Sivilja. Il-park ikopri 543 km2 (209.65 mili kwadri), li minnhom 135 km2 (52.12 mil kwadru) huma żona protetta. Il-park huwa żona ta' mraġ, nixxigħat baxxi u għaram tar-ramel f'Las Marismas, id-delta fejn ix-xmara Guadalquivir tnixxi fl-Oċean Atlantiku. Ġie stabbilit bħala riżerva naturali fl-1969 meta l-Fond Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi ngħaqad mal-gvern Spanjol u xtara sezzjoni ta' mraġ biex jipproteġi s-sit.[1] L-ekosistema ilha taħt theddida kostanti minħabba d-drenaġġ tal-imraġ, l-użu tal-ilma tax-xmara għall-ixprunar tal-produzzjoni agrikola permezz tat-tisqija tal-art tul il-kosta, it-tniġġis tal-ilma permezz tal-estrazzjoni iktar 'il fuq tul ix-xmara, u t-tkabbir tal-faċilitajiet turistiċi. Il-park huwa msemmi għal Doña Ana de Silva y Mendoza, il-mara tas-seba' Duka ta' Medina Sidonia.
Il-Park Nazzjonali ta' Doñana għandu bijodiversità unika fl-Ewropa, għalkemm hemm xi similaritajiet mal-Park Naturali Reġjonali tad-delta tax-xmara ta' Camargue (bil-Franċiż: Parc Naturel Régional de Camargue) fi Franza. Iż-żewġ parks naturali huma ġemellati ma' xulxin.[2] Il-Park Nazzjonali ta' Doñana fih varjetà kbira ta' ekosistemi u postijiet imkennija għall-organiżmi selvaġġi, fosthom eluf ta' għasafar tal-passa Ewropej u Afrikani[3], ċriev selvaġġi, ċriev ħamranija Spanjoli, ċingjali selvaġġi, baġers Ewropej, mangus Eġizzjani, u speċijiet fil-periklu bħall-ajkla imperjali Spanjola u l-linċi Iberika.
Ir-riżerva naturali ta' Doñana tinkludi kemm il-Park Nazzjonali ta' Doñana, stabbilit fl-1969, kif ukoll il-Park Naturali ta' Doñana, maħluq fl-1989 u mkabbar fl-1997, fejn inħolqot żona ta' lqugħ u ta' protezzjoni taħt il-ġestjoni tal-gvern reġjonali. Minn dak iż-żmien 'l hawn, iż-żewġ parks ġew ikklassifikati bħala pajsaġġ naturali uniku. Minħabba l-pożizzjoni strateġika tal-Park Nazzjonali ta' Doñana bejn il-kontinenti tal-Ewropa u tal-Afrika u l-prossimità tiegħu mal-Istrett ta' Ġibiltà, il-bur salmastru enormi ta' Doñana huwa post ta' tnissil kif ukoll punt ta' tranżitu għal eluf ta' għasafar Ewropej u Afrikani (akkwatiċi u terrestri), u jospita bosta speċijiet ta' għasafar tal-ilma li jpassu matul ix-xitwa, tipikament sa 200,000 għasfur. Iżjed minn 300 speċi differenti ta' għasafar jokkorru fil-park kull sena. Il-park jitqies bħala l-ikbar riżerva naturali fl-Ewropa u diversi istituzzjonijiet xjentifiċi għandhom stazzjonijiet ta' monitoraġġ fi ħdan il-konfini tiegħu sabiex jiżguraw l-iżvilupp xieraq tal-artijiet biswit il-park kif ukoll il-konservazzjoni tal-ispeċijiet mhedda li jgħixu fih. Il-Park Nazzjonali ta' Doñana ġie ddikjarat Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994[4]; fl-2006, il-park irreġistra 376,287 viżitatur.
Matul is-sekli 19 u 20, merħla dromedarji kienet tgħix fl-inħawi tal-park. X'aktarx li kienu ddaħħlu matul il-Konkwista ta' Spanja min-naħa tal-Għarab Iberiċi fis-seklu 8, jew jaf kienu ħarbu minn xi merħla introdotta mill-Markiża ta' Molina bħala bhejjem tal-ġarr fl-1829.[5][6] Sas-snin 50 tas-seklu 20, kien għad fadal tmien individwi biss u dawn kienu mhedda min-nassaba.[7]