pajsaġġ kulturali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-Renju Unit From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Pajsaġġ tax-Xogħol fil-Minjieri ta' Cornwall u l-Punent ta' Devon huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinkludi għadd ta' siti tax-xogħol fil-minjieri f'Cornwall u fil-Punent ta' Devon fil-Lbiċ tal-Ingilterra. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-30 Sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO f'Vilnius, f'Lulju 2006. Wara xi pjanijiet fl-2011 biex jerġa' jibda x-xogħol fil-minjieri f'South Crofty[1] u biex jinbena supermarket f'Hayle Harbour[2], il-Kumitat tal-Wirt Dinji fassal deċiżjoni fl-2014 biex is-sit jitqiegħed fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu, iżda din ma ġietx aċċettata fit-38 Sessjoni tal-Kumitat f'Doha, il-Qatar, f'Lulju 2014, u minflok ġiet stabbilita Missjoni ta' Monitoraġġ Reattiv ta' segwitu.[3][4]
Sa nofs is-seklu 16, Devon kienet tipproduċi madwar 25-40 % tal-landa li kienet tipproduċi Cornwall iżda l-ammont totali tal-produzzjoni tal-landa kemm minn Cornwall kif ukoll minn Devon matul dan il-perjodu kien relattivament żgħir. Wara s-snin 40 tas-seklu 16, il-produzzjoni ta' Cornwall żdiedet ġmielha u l-produzzjoni ta' Devon kienet biss madwar 10-11 % ta' dik ta' Cornwall. Minn nofs is-seklu 16 'il quddiem, il-Minjieri tal-Landa ta' Devon ma tantx kienu jqallgħu introjtu lir-Re u ngħataw il-ġenb wara l-Att dwar is-Supremazija tal-Parlament tal-1512 (dan ma japplikax għall-Minjieri tal-Landa ta' Cornwall).
Il-pajsaġġ ta' Cornwall u tal-Punent ta' Devon issawwar mill-ġdid b'mod radikali matul is-sekli 18 u 19 permezz tal-estrazzjoni fil-fond għar-ram u għal-landa. Il-minjieri ta' taħt l-art, l-impjanti tal-magni, il-fonderiji, l-irħula l-ġodda, l-azjendi ż-żgħar, il-portijiet mibnija, il-portijiet naturali u l-industriji anċillari flimkien jirriflettu l-innovazzjoni prolifika li fil-bidu tas-seklu 19 wasslet biex ir-reġjun jipproduċi żewġ terzi tal-provvista dinjija tar-ram. Matul l-aħħar tas-seklu 19, il-produzzjoni tal-arseniku żdiedet fil-minjieri fil-Lvant ta' Cornwall u fil-Punent ta' Devon u kienu jipprovdu nofs id-domanda dinjija.
Fil-bidu tas-seklu 19 twettqet rivoluzzjoni fit-teknoloġija tal-magni li jaħdmu bl-istim li ttrasformat radikalment ix-xogħol fil-minjieri tal-blat iebes. Il-magni tal-ippompjar imħaddmin b'mod wiesa' b'pressjoni għolja, li ġew żviluppati mill-inġiniera Richard Trevithick u Arthur Woolf wasslu biex l-estrazzjoni ssir f'livelli iktar fondi milli qatt seta' jsir qabel. Il-magni tal-ibbilanċjar iddisinjati f'Cornwall u makkinarju ieħor tal-estrazzjoni ġew esportati mill-fonderiji tal-inġinerija maġġuri f'Hayle, Perranarworthal, Tavistock u f'inħawi oħra lejn il-minjieri madwar id-dinja tul is-seklu kollu.
Mill-bidu tas-seklu 19, għadd sinifikanti ta' ħaddiema tal-minjieri emigraw biex jgħixu u jaħdmu fil-komunitajiet tax-xogħol fil-minjieri bbażati fuq it-tradizzjonijiet ta' Cornwall, dan il-fluss laħaq il-milja tiegħu lejn l-aħħar tas-seklu 19. Illum il-ġurnata diversi komunitajiet ta' Cornwall li huma dixxendenti tal-migranti jeżistu mad-dinja kollha u jeżistu impjanti tal-magni fl-Awstralja, f'New Zealand, fl-Afrika t'Isfel, fil-Messiku, fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi, fi Spanja, u fil-minjieri ta' partijiet oħra tal-Ingilterra, ta' Wales, tal-Iskozja, tal-Irlanda, tal-Gżejjer tal-Fliegu Ingliż, u ta' Isle of Man.
Industrija tax-xogħol fil-minjieri iktar ridotta kompliet f'Cornwall wara l-kriżi tar-ram tas-snin 60 tas-seklu 19 bil-produzzjoni ffukata l-iktar fuq il-landa. Ix-xogħol fil-minjieri għall-metalli finalment intemm għalkollox f'Cornwall fl-1998 bl-għeluq tal-Minjiera ta' South Crofty, l-aħħar minjiera tal-landa operattiva fl-Ewropa.
Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinkludu żoni kkollegati tematikament f'Cornwall u fil-Punent ta' Devon. Il-komponenti (bil-kodiċijiet taż-żoni min-nominazzjoni tas-sit) huma:
Il-Pajsaġġ tax-Xogħol fil-Minjieri ta' Cornwall u l-Punent ta' Devon ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[5]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[5]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.