Mogħdija tal-Ġgant
formazzjoni tal-blat vulkaniku tul il-kosta ta' Antrim fl-Irlanda ta' Fuq, ir-Renju Unit / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Mogħdija tal-Ġgant (bl-Ingliż: Giant's Causeway; bl-Irlandiż: Clochán an Aifir)[1] hija żona ta' madwar 40,000 kolonna tal-bażalt mdaħħlin ġo xulxin u li rriżultaw minn żbroff antik ta' fissura vulkanika.[2][3] Tinsab fil-Kontea ta' Antrim tul il-kosta tat-Tramuntana tal-Irlanda ta' Fuq, madwar tliet mili (ħames kilometri) fil-Grigal tar-raħal ta' Bushmills.
Ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986 u bħala riżerva naturali nazzjonali mid-Dipartiment tal-Ambjent għall-Irlanda ta' Fuq fl-1987. Fi stħarriġ li sar fl-2005 fost il-qarrejja tar-Radio Times, il-Mogħdija tal-Ġgant ssemmiet bħala r-raba' l-ikbar fost l-għeġubijiet naturali fir-Renju Unit.[4]
L-uċuħ ta' fuq tal-kolonni jiffurmaw qisu taraġ li jwassal minn tarf l-irdumijiet u jisparixxi taħt il-baħar. Il-biċċa l-kbira tal-kolonni huma eżagonali, għalkemm uħud għandhom erba', ħames, seba' jew tmien naħat. L-itwal ilaħħqu għoli ta' xi 12-il metru (39 pied), u l-lava ssolidifikata fl-irdumijiet f'xi postijiet tlaħħaq saħansitra ħxuna ta' 28 metru (92 pied).[5]
Is-sjieda u l-ġestjoni tal-biċċa l-kbira tal-Mogħdija tal-Ġgant u l-Kosta tal-Mogħdija tal-Ġgant, bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, hija f'idejn in-National Trust. Is-sit huwa wieħed mill-iżjed attrazzjonijiet turistiċi popolari fl-Irlanda ta' Fuq[6], u laqa' iktar minn 998,000 viżitatur fl-2019.[7] L-aċċess għall-Mogħdija tal-Ġgant huwa mingħajr ħlas: wieħed mhux bilfors irid jaċċessa s-s-sit miċ-ċentru għall-viżitaturi li jimponi miżata.[8] Is-sjieda tal-kumplament tas-sit hija f'idejn il-Proprjetà tal-Kuruna u diversi sidien tal-art privati.