Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fit-Tramuntana tal-Ewropa
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-Tramuntana tal-Ewropa / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) iddeżinjat 40 Sit ta' Wirt Dinji fi tmien pajjiżi sovrani (imsejħa wkoll "stati li huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji") tat-Tramuntana tal-Ewropa: l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvezja, il-Finlandja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, jiġifieri ġabra ta' pajjiżi Nordiċi u Baltiċi.[1] It-territorju Daniż tal-Gżejjer Faroe ma għandux Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Is-siti ta' Greenland, li tinsab fil-kontinent tal-Amerka ta' Fuq, mhumiex inklużi fil-lista ta' hawn taħt minkejja r-rabtiet politiċi mad-Danimarka; huma inklużi fil-Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Amerka ta' Fuq. Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma inklużi fil-Punent tal-Ewropa, minkejja li xi kultant jiġu elenkati fit-Tramuntana tal-Ewropa.[2]
L-Iżvezja fiha l-ikbar ammont ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-reġjun, 15-il sit, tnejn minnhom siti transfruntiera. Tliet siti huma kondiviżi ma' diversi pajjiżi: l-Istmu Kuronjan (il-Litwanja u r-Russja), il-Höga Kusten / l-Arċipelagu ta' Kvarken (l-Iżvezja u l-Finlandja) u l-Ark Ġeodetiku ta' Struve (għaxar pajjiżi fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-Ewropa). L-ewwel Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mir-reġjun tniżżlu fl-1979, meta l-Knisja tal-Injam ta' Urnes u Bryggen, it-tnejn li huma fin-Norveġja ntgħażlu sena wara ma tfasslet il-lista.[3]
Kull sena, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO jista' jiddeżinja siti ġodda fil-lista, jew ineħħi s-siti li ma jissodisfawx iktar il-kriterji tal-għażla tal-UNESCO. L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali. Is-siti "mħallta" huma siti li jissodisfaw kriterji bħala sit kulturali u bħala sit naturali.[4][5]
Il-Kumitat tal-Wirt Dinji jista' jispeċifika wkoll li sit jinsab fil-periklu, u jikkwota "kundizzjonijiet li jheddu l-istess karatteristiċi tal-għażla tal-UNESCO li wasslu biex is-sit jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO".[6] Attwalment, l-ebda sit fit-Tramuntana tal-Ewropa ma tniżżel bħala sit fil-periklu, għalkemm ġieli kien hemm każijiet fejn dan tqies bħala possibbiltà.