Bryggen
sit b'sensiela ta' binjiet kummerċjali Anseatiċi f'Bergen, in-Norveġja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Bryggen (li tfisser il-"moll"), magħruf ukoll bħala Tyskebryggen (bin-Norveġiż: [ˈtʏ̀skəˌbrʏɡːn̩], li tfisser il-"moll Ġermaniż"), huwa għadd ta' binjiet kummerċjali Anseatiċi maġenb xulxin fin-naħa tal-Lvant tal-port ta' Vågen fil-belt ta' Bergen, in-Norveġja. Bryggen tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.
Il-belt ta' Bergen ġiet stabbilita għall-ħabta tal-1070 fi ħdan il-konfini ta' Tyskebryggen. Għall-ħabta tal-1350, Kontor tal-Lega Anseatika ġie stabbilit hemmhekk, u Tyskebryggen sar iċ-ċentru tal-attivitajiet kummerċjali Anseatiċi fin-Norveġja. Illum il-ġurnata, Bryggen jospita mużewijiet, djar, ħwienet, ristoranti u bars.