Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Portugall
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Portugall / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Portugall irratifika l-Konvenzjoni fit-30 ta' Settembru 1980, u b'hekk is-siti indikattivi tiegħu setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Mill-2022, fil-Portugall hemm 17-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-ewwel erba' siti li tniżżlu fil-Portugall kienu l-Monasteru tal-Ġlormini u t-Torri ta' Belém f'Liżbona, il-Monasteru ta' Batalha, il-Kunvent ta' Kristu f'Tomar, u r-raħal ta' Angra do Heroísmo, fl-1983. L-iżjed siti reċenti li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kienu s-Santwarju ta' Bom Jesus do Monte fi Braga u l-Palazz ta' Mafra bil-park tal-kaċċa tiegħu fl-2019. Il-Foresti tas-Siġar tar-Rand ta' Madeira huma l-unika sit naturali tal-Portugall; is-siti l-oħra kollha huma siti kulturali. Żewġ siti jinsabu fl-arċipelagu tal-Azores. Is-Siti tal-Arti Preistorika Mnaqqxa fil-Blat fil-Wied ta' Côa u Siega Verde huma sit kondiviż ma' Spanja, u huma l-unika sit transnazzjonali tal-Portugall.