Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fiċ-Ċina
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fiċ-Ċina / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Iċ-Ċina rratifikat il-Konvenzjoni fit-12 ta' Diċembru 1985, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
B'kollox iċ-Ċina għandha 57 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, 39 kulturali, 14 naturali u 4 imħallta. L-unika pajjiż li għandu iktar Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO miċ-Ċina huwa l-Italja b'59 sit. L-ewwel sitt Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO miċ-Ċina żdiedu fl-1987: il-Mawżolew tal-Ewwel Imperatur Qin, l-Għerien ta' Mogao, is-Sit tar-Raġel ta' Peking f'Zhoukoudian, il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina, il-Muntanja ta' Taishan, u l-Palazzi Imperjali tad-Dinastiji Ming u Qing f'Beijing u f'Shenyang. L-iżjed sit li żdied reċentement miċ-Ċina huwa l-Pajsaġġ Kulturali tal-Foresti Antiki tat-Te tal-Muntanja Jingmai f'Pu'er, fl-2023.