Lessiku
katalogu ta' kliem jew lessemi ta' lingwi partikolari / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-lessiku huwa l-vokabolarju ta’ persuna, ta’ lingwa jew ta’ fergħa ta’ għarfien (eż. l-għarfien nawtiku jew mediku). Fil-lingwistika, il-lessiku huwa inventarju ta’ lessemi ta’ lingwa. Il-kelma lessiku ġejja mill-kelma Griega λεξικόν (lexikon), li ġejja minn λεξικός (lexikos) li tfisser “tal-kliem jew għall-kliem”.[1]
It-teoriji lingwistiċi ġeneralment iqisu li l-lingwi umani fihom żewġ partijiet: il-lessiku, li essenzjalment huwa katalogu tal-kelmiet ta’ lingwa; u l-grammatika, jiġifieri sistema ta’ regoli li jippermettu li l-kelmiet jintużaw fi frażi jew f’sentenza u jagħmlu sens. Il-lessiku jitqies li jinkludi wkoll morfemi mehmuża, li ma jistgħux jintużaw waħedhom bħall-kelmiet (eż. il-biċċa l-kbira tal-affissi).[2] F’xi analiżijiet, il-kliem kompost u ċerti klassijiet ta’ espressjonijiet idjomatiċi u kollokazzjonijiet oħra jitqiesu wkoll bħala parti mil-lessiku. Id-dizzjunarji jirrappreżentaw tentattivi ta’ elenkar, f’ordni alfabetika, tal-lessiku ta’ lingwa partikolari; madankollu, is-soltu l-morfemi mehmuża ma jiġux inklużi.