From Wikipedia, the free encyclopedia
Lampuna hi l-frotta li tittiekel ta' numru kbir ta' speċi tax-xtieli fil-ġeneru Rubus, li ħafna minnhom huma fis-sottoġeneru Idaeobatus; l-isem japplika wkoll għal dawn il-pjanti stess. Il-lampun hu perenni.
Fost l-eżempji ta' speċi ta' lampun fis-sottoġeneru Idaeobatus ta' Rubus insibu:
Bosta speċi ta' Rubus li huma klassifikati f’sottoġeneri oħra jissejħu wkoll lampun, fosthom:
Il-lampun ikabbruh biex jinbiegħ bħala frott frisk jew biex jiġi ipproċessat kummerċjalment billi jiġi ffriżat malajr waħda waħda, magħsur jew imnixxef biex jintuża f'varjetà ta' prodotti tal-merċa. Fl-imgħoddi l-lampun kien jinġabar f’nofs is-sajf, iżda permezz tat-teknoloġija ta' llum, il-kultivari, u t-trasport, dan issa wieħed jista' jsibu s-sena kollha. Il-lampun għandu bżonn ħafna xemx u ilma biex l-iżvilupp tiegħu ikun mill-aħjar. Il-lampun jirnexxi fil-ħamrija skulata sew b'pH ta' bejn 6 u 7 li jkun fiha materja organika biżżejjed biex izżomm l-ilma[1]. Filwaqt li l-umdità hi essenzjali, ħamrija mxarrba ħafna jew tqila jew irrigazzjoni żejda jistgħu iġġibu l-Phytophthora, l-immuffar tal-għeruq, li hija waħda mill-problemi l-aktar serji li tolqot il-lampun aħmar. Bħala xitla kkultivata fir-reġjuni bi klima moderata niedja, jikber faċilment u għandu t-tendenza li jinfirex jekk ma jinżabarx. Il-lampun spiss jidher bħala ħaxixa ħażina fil-ġonna, mifrux miż-żerriegħa fil-ħmieġ tal-għasafar.
Hemm ż-żewġ tipi ta' lampun li huma l-iżjed imkabbra kummerċjalment, it-tip li jagħmel il-frott fis-sajf u jipproduċi abbundanza ta' frott fuq iz-zkuk li jkollhom sena (floricanes) matul żmien relattivament qasir f'nofs sajf, u t-tip "doppju" li jagħmel il-frott fuq iz-zkuk fl-ewwel sena (primocanes) tard fis-sajf tard u fil-ħarifa, kif ukoll fis-sajf fuq zkuk ta' sena. Il-lampun jista' jiġi kkultivat f’żona ta' ħruxija[2] minn 3 sa 9.
Tradizzjonalment il-lampun jitħawwel fix-xitwa f’għamla ta' zkuk għalkemm it-tħawwil ta' xtieli mkabbra bil-koltura tat-tessuti sar ħafna aktar komuni. Hemm sistema ta' produzzjoni speċjalizzat li bih iz-zkuk jitkabbru għal sena fi klima tat-Tramuntana bħal fl-Iskozja (ir-Renju Unit) jew Washington State (SUA) fejn il-kesħa meħtieġa biex ix-xitla tibda tarmi tasal kmieni. Dawn iz-zkuk imbagħad jinqalgħu bl-għeruq b'kollox u jerġgħu jitħawlu fi klimi isħan bħal fi Spanja fejn iwarrddu malajr u jipproduċu frott bikri ħafna. Ix-xtieli għandhom jitħawlu metru 'l bogħod minn xulxin f'ħamrija skulata sew; il-lampun is-soltu jitħawwel f’ringili mtellgħa meta jkun hemm xi periklu ta' taħsir tal-għeruq.
Il-fjuri tal-lampun jistgħu jkunu sors importanti tan-nettar għan-naħal tal-għasel u pollinaturi oħra.
Il-lampun jikber ħafna u lokalment jista' jkun invażiv. Jinfirex permess ta' rimjiet twal taħt l-art li jiżviluppaw l-għeruq u pjanti individwali. Dan jistgħu itellgħu xtieli ġodda 'l bogħod mhux ħażin mill-pjanta prinċipali. Għal din ir-raġuni, il-lampun jinfirex ħafna u jista' jimla ġnien sħiħ jekk u ma jitrażżanx.
Il-frott jinġabar meta jkun jinqala' faċilment mir-riċettaklu u jkun sar kulur skur (aħmar, iswed, vjola, jew isfar dehbi, skont l-ispeċi u l-kultivar). Dan jiġri meta l-frott ikun l-iżjed misjur u ħelu. Il-frott żejjed jista' jintgħamel f'ġamm tal-lampun jew iffriżat.
Il-weraq jistgħu jintużaw friski jew imnixxfin f’tè erbali u mediċinali. Dan għandu togħma astrinġenti, u fil-mediċina erbali għandu l-fama li hu effettivi fir-regolazzjoni taċ-ċiklu mestrwali.
Kull-lampuna tiżen madwar 4 g, fil-medja[3]u hi magħmula minn madwar 100 drupa żgħira [4], li kull waħda minnhom tikkonsisti minn polpa mmerrqa u żerriegħa waħda fin-nofs. Kull arbuxxell tal-lampun jista' jagħti mijiet ta' bakek fis-sena. Kontra t-tut tal-għollieq il-lampun ikollu qalba vojta meta jitneħħa mir-riċettakli.
Intgħażlu ħafna kultivari. Permezz tal-mezzi reċenti ntgħażlu kultivari bla xewk u aktar wieqfa li ma jeħtiġux irbit. Il-lampun hu spiss propagat permezz ta' biċċiet mix-xitla u jxettel faċilment f'ħamrija niedja. Dan l-użu ta' biċċiet mix-xitla jżomm il-ġenotip tal-omm u huwa l-metodu preferit ta' propagazzjoni meta jsir taħwil fil-kobor.
Il-lampun aħmar ( Rubus idaeus u/jew Rubus strigosus) ġie mdakkar mal-lampun ( Rubus occidentalis) biex jipproduċi lampun vjola, u ma' ispeċi varji f'sottoġeneri oħra tal-ġeneru Rubus, li rriżultaw f'għadd ta' ibridi, bħall-boysenberry u l-loganberry . Qiegħda tiġi investigata wkoll l-ibridizzazzjoni bejn il-lampun ikkultivat tas-soltu u xi speċi Asjatiċi ta' Rubus.
Il-lampun ġieli jikluh il-larvi ta' xi speċi tal-Lepidoptera (friefet u baħrijiet).
Il-Botrytis cinerea, jew Moffa Griża, hija infezzjoni fungali komuni fill-lampun u l-frott artab ieħor. Titfaċċa bħala moffa griża tikber fuq il-lampun, u taffettwa b'mod partikolari l-frott mibrux, peress li l-brix jipprovdi dħul faċli għall-ispori ta' B. Cinerea.
Ix-xtieli tal-lampun m'għandhomx jitħawlu fejn qabel kienu jiġu mkabbra l-patata, it-tadam, il-bżar, il-brunġiel jew xtieli bil-basla, mingħajr ma ssir qabel fumigazzjoni tal-ħamrija. Dawn l-uċuħ tgħix fihom il-marda Vertiċillożi, fungu li jista' jibqa' fil-ħamrija għal ħafna snin u jista' jinfesta l-uċuħ tal-lampun[5].
Il-lampun hu frotta kummerċjali importanti, li titkabbar ħafna fir-reġjuni tad-dinja kollha bi klima moderata. Ħafna mill-kultivari kummerċjali moderni l-aktar importanti tal-lampun aħmar ġejjin mid-dakkir bejn R. idaeus u R. strigosus[6]. Xi botaniċi jqisu l-lampun aħmar Ewrażjan u Amerikan fi speċi ċirkumboreali waħda, Rubus idaeus u l-pjanti Ewropej imbagħad jiġu kklassifikati bħala R. idaeus sottosp. Idaeus jew R. idaeus var. Idaeus u l-aħmar indiġenu għall-Amerika ta' Fuq jiġi kklassifikat jew bħala R. idaeus sottosp. strigosus jew R. idaeus var. strigosus. Il-lampun iswed, Rubus occidentalis hu kultant ikkultivat fl-Stati Uniti, u jipprovdi frott frisk u ffriżat kif ukoll ġammijiet, marmellati, u prodotti oħra, kollha bit-togħma aktar rikka distintiva ta' dik l-ispeċi.
Il-lampun bil-frott vjola ġie maħluq mill-ibridizzazzjoni ortikulturali tal-lampun aħmar u iswed, imma jinstab ukoll fl-ambjent naturali fi ftit postijiet (per eżempju, Vermont) fejn il-lampun aħmar u l-lampun iswed Amerikani it-tnejn jikbru b'mod naturali. L-isem botaniku Rubus × neglectus japplika għal dawn il-pjanti naturali kif ukoll għall-pjanti prodotti bl-ortikoltura li għandhom l-istess antenati. Il-produzzjoni kummerċjali tal-lampun vjola hi rari.
Iż-żewġ speċi ta' lampun aħmar u iswed għandhom varjanti naturali jew ortikulturali sofor ċar tat-tip albin li ġejjin mill-preżenza ta' ġeni reċessivi li jimpedixxu l-produzzjoni ta' pigmenti tal-antoċijan. Il-frott minn pjanti bħal dawn jissejaħ "lampun tad-deheb" jew "lampun isfar"; minkejja li għandhom l-istess dehra, dawn jibqgħu bit-togħma distintiva tal-ispeċi rispettiva tagħhom (aħmar jew iswed). Ħafna lampun bil-frott ċar mibjugħ kummerċjalment fil-Lvant tal-Istati Uniti ġej mill-lampun aħmar.
Lampun Nej | |||||
Enerġija | 263.592 kJ | ||||
(63.000 kcal) | |||||
Karboidrati | 14.7 g | ||||
- Zokkor | 5.4 g | ||||
- Fibri | 8 g | ||||
Xaħam | 0.8 g | ||||
- saturat | 0 g | ||||
- monosaturat | 0.1 g | ||||
- polisaturat | 0.5 g | ||||
Proteini | 1.5 g | ||||
Vitamina A ekwiv. | 1 μg (0%) | ||||
- beta-karotina | 120 μg (1%) | ||||
Vitamina C | 26.2 mg (32%) | ||||
Kalċju | 25 mg (3%) | ||||
Ħadid | 0.69 mg (5%) | ||||
Sodju | 1 mg (0%) |
Il-lampun fih ammonti sinifikanti ta' antiossidanti polifenoli bħall-pigmenti tal-antoċijanin li jistgħu jipproteġu kontra bost mard tal-bniedem[7]. L-istruttura sħiħa tal-frotta tikkontribwixxi għall-valur nutrittiv tagħha billi żżid il-proporzjon ta' fibra djetetika u tagħmilha fost il-pjanti tal-ikel bl-ogħla kontenut tal-fibra, 20% fibri mill-piż totali. Il-lampun hu sors rikk ta' vitamina C, b'30 mg għal kull porzjon ta' kikkra (madwar 50% tal-valur ta' kuljum), manganiż (madwar 60% tal-valur ta' kuljum) u fibra (30% tal-valur ta' kuljum). Il-kontenut ta' vitamina B 1-3, tal-aċidu foliku, tal-manjeżju, tar-ram u tal-ħadid huma konsiderevoli fil-lampun[8].
Il-lampun kważi għandu l-iżjed qawwa ta' antiossidanti mill-frott kollu, b'mod partikolari minħabba d-densità tal-kontenut ta' aċtu ellaġiku, kwerċetina, aċtu galliku, antoċijani, ċijanidini, pelargonidini, katekini, kaempferol u aċtu saliċiliku. Il-lampun isfar u oħrajn bil-kulur ċar għandhom inqas antoċijani.
Minħabba l-kontenut għoli tal-antidiossanti vitamina C u l-polifenoli msemmija hawn fuq, il-lampun għandu valur tal-ORAC (kapaċità għall-assorbenza tar-radikali tal-ossiġenu) ta' madwar 4900 għal kull 100 gramma, li jqegħdu fost il-frott bl-ogħla ORAC. Il-mirtill salvaġġ għandu madwar 9000 unitajiet ta' ORAC u t-tuffieħ għandu fil-medja 2800[9].
Għalkemm sal-lum ma sarx l-ebda studju kliniku li jipprova dawn l-effetti fil-bniedem, l-effetti tal-antiossidanti u tal-antiproliferattivi (kemopreventivi) kontra l-kanċer ġew assoċjati mal-ammont ta' fenoliċi u flavonojdi f'varjetà ta' ikel fosthom il-lampun[10][11][12].
Il-lampun, bħall-parti l-kbira tal-bakek l-oħra għandu indiċi gliċemiku baxx.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.