Lake District
reġjun muntanjuż u park nazzjonali fil-Majjistral tal-Ingilterra, ir-Renju Unit / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Lake District (litteralment id-"Distrett tal-Lagi"), magħruf ukoll bħala the Lakes jew Lakeland, huwa reġjun muntanjuż u park nazzjonali fil-Majjistral tal-Ingilterra. Huwa famuż primarjament għax-xenarju tal-muntanji, tal-lagi u tal-kosti tiegħu, kif ukoll għar-rabtiet letterarji ma' William Wordsworth u ma' poeti oħra, fosthom Beatrix Potter u John Ruskin.
Il-Lake District jinsab kompletament f'Cumbria, u l-muntanji tiegħu (imsejħa wkoll fells) xi kultant jissejħu l-Muntanji ta' Cumbria. Storikament ġie maqsum bejn Cumberland, Westmorland u Lancashire. Il-Park Nazzjonali tal-Lake District ġie stabbilit fl-1951 u jkopri erja ta' 2,362 kilometru kwadru (912-il mil kwadru), jiġifieri l-biċċa l-kbira tar-reġjun.[1] Ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2017.[2][3]
L-art kollha fl-Ingilterra li hija ogħla minn 3,000 pied (914-il metru) 'il fuq mil-livell tal-baħar tinsab fi ħdan il-Lake District, inkluż Scafell Pike, li hija l-ogħla muntanja fl-Ingilterra b'għoli ta' 978 metru (3,209 piedi).[4] Il-park fih ukoll Windermere, l-ikbar lag fl-Ingilterra bħala tul (18-il kilometru jew 11-il mil) u bħala erja (14.73 km2 jew 5.69 mili kwadri), u Wast Water, l-iktar lag fond, b'fond ta' 79 metru (259 pied).[5][6][7]