![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/f/f4/Bloch_Sphere.svg/langmt-640px-Bloch_Sphere.svg.png&w=640&q=50)
Kompjuter kwantistiku
From Wikipedia, the free encyclopedia
Kompjuter kwantistiku hu apparat ta' komputazzjoni li juża direttament fenomeni kwantistiċi, bħas-soprapożizzjoni[N 1] u t-tħabbil[N 2], biex jaħdem fuq id-data[N 3]. Il-kompjuters kwantistiċi huma differenti mill-kompjuters diġitali li huma bbażati fuq tranżisters. Waqt li fil-kompjuters diġitali d-data trid tiġi kodifikata f'ċifri binarji (bits), il-kompjuters kwantistiċi jużaw il-proprjetajiet kwantistiċi biex jirrapreżentaw id-data u biex jagħmlu operazzjonijiet fuq din id-data.[1] Bħala mudell teoretiku hemm il-magna kwantistika ta' Turing [N 4], magħrufa wkoll bħala l-kompjuter kwantistiku universali. Il-kompjuters kwantistiċi għandhom proprjetajiet li jixbhu 'l dawk tal-kompjuters mhux deterministiċi u probabilistiċi, pereżempju l-ħila li jkun f'iżjed minn stat wieħed fl-istess ħin. Il-qasam tal-komputazzjoni kwantistika introduċewh għall-ewwel darba Yuri Manin fl-1980[2] u Richard Feynman fl-1981.[3][4]
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/f/f4/Bloch_Sphere.svg/220px-Bloch_Sphere.svg.png)
Minkejja li l-komputazzjoni kwantistika għadha fit-tfulitha, diġà twettqu xi esperimenti li fihom saru operazzjonijiet komputazzjonali kwantistiċi fuq numru żgħir ħafna ta' qubits.[5] Ir-riċerka fil-prattika u fit-teorija qiegħda tkompli u ħafna gvernijiet nazzjonali u aġenziji ta' finanzjament militari qegħdin jiffinanzjaw il-komputazzjoni kwantistika biex jiġu żviluppati kompjuters kwantistiċi għal skopijiet ċivili kif ukoll għas-sigurtà nazzjonali, bħall-krittanalisi.[N 5][6]
Il-kompjuters kwantistiċi fuq skala kbira 'l quddiem ħa jkunu kapaċi li jsolvu ċerti problemi ħafna iżjed malajr mill-kompjuters klassiċi anki meta dawn tal-aħħar jużaw l-aħjar algoritmi magħrufin bħal issa, bħall-fattorizzazzjoni tan-numri interi jew sħaħ permezz tal-algoritmu ta' Shor[N 6] u s-simulazzjoni ta' sistemi kwantistiċi b'ħafna korpi. Hemm algoritmi kwantistiċi li jiġru iżjed minn kull algoritmu klassiku probabbilistiku.[7] B'riżorsi komputazzjonali biżżejjed, kompjuter klassiku jista' jissimula kull logaritmu kwantistiku; il-komputazzjoni kwantistika ma tiksirx it-teżi ta' Church–Turing.[N 7][8] Però, il-bażi komputazzjonali ta' 500 qubit, pereżempju, diġà kbira wisq biex tiġi rappreżentata fuq kompjuter klassiku għax tkun trid 2500 valur kompless (2501 bit) maħżun.[9] (Għal paragun, terabyte ta' informazzjoni diġitali fiha 243 bit biss.)