Armata tat-Terrakotta
kollezzjoni ta' statwi militari antiki Ċiniżi / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Armata tat-Terrakotta hija kollezzjoni ta' skulturi tat-terrakotta tal-armati ta' Qin Shi Huang, l-ewwel Imperatur taċ-Ċina. Hija forma ta' arti funebri li ndifnet mal-imperatur fil-210-209 Q.K. bl-iskop li l-imperatur jiġi mħares wara mewtu.
L-iskulturi, li jmorru lura għall-ħabta tal-aħħar tat-tielet seklu Q.K.[1], ġew skoperti fl-1974 minn bdiewa lokali fil-Kontea ta' Lintong, 'il barra minn Xi'an, Shaanxi, iċ-Ċina. L-iskulturi jvarjaw fit-tul skont ir-rwoli tagħhom; l-itwal huma l-ġenerali. Fost l-iskulturi hemm ġellieda u karrijiet miġbuda miż-żwiemel. Skont stimi mill-2007 fit-tliet fosos l-Armata tat-Terrakotta kienet magħmula minn iktar minn 8,000 suldat, 130 karru b'520 żiemel, u 150 żiemel tal-kavallerija, li l-maġġoranza tagħhom għadhom midfuna fil-fosos qrib il-mawżolew ta' Qin Shi Huang.[2] F'fosos oħra nstabu skulturi ta' figuri mhux militari tat-terrakotta, fosthom uffiċjali, akrobati, irġiel b'saħħithom u mużiċisti.[3]