Ark Ġeodetiku ta’ Struve
ark ta’ meridjan minn Hammerfest fin-Norveġja sal-Baħar l-Iswed / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Ark Ġeodetiku ta’ Struve huwa katina ta’ triangolazzjonijiet tal-istħarriġ minn Hammerfest fin-Norveġja sal-Baħar Iswed, li tgħaddi minn għaxar pajjiżi (in-Norveġja, l-Iżvezja, il-Finlandja, ir-Russja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Belarussja, il-Moldova u l-Ukrajna) u hija twila 2,820 kilometru. Bis-saħħa tal-Ark Ġeodetiku ta’ Struve seta’ jsir l-ewwel kejl preċiż ta’ meridjan tad-dinja.[1]
Il-katina ġiet stabbilita u ntużat mix-xjenzat Russu mwieled il-Ġermanja Friedrich Georg Wilhelm von Struve bejn l-1816 u l-1855 biex jistabbilixxi d-daqs preċiż u l-għamla tad-dinja. Dak iż-żmien, l-Ark Ġeodetiku ta’ Struve kien jgħaddi minn tliet pajjiżi biss: in-Norveġja, l-Iżvezja u l-Imperu Russu. L-ewwel punt tal-Ark jinsab fl-Osservatorju Antik ta’ Tartu, fl-Estonja, fejn Struve wettaq il-biċċa l-kbira tar-riċerka tiegħu.[2]
Fl-2005, l-Ark Ġeodetiku ta’ Struve ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO b’ġabra ta’ 34 plakka kommemorattiva jew obeliski mill-265 punt oriġinali mmarkati b’toqob imħaffrin fil-blat, slaleb tal-ħadid, borġ ġebel, eċċ.[3]
Il-kejl tal-katina tat-triangolazzjonijiet jinkludi 258 triangolu u 265 vertiċi ġeodetiku. L-iktar punt fit-Tramuntana jinsab ħdejn Hammerfest fin-Norveġja u l-iktar punt fin-Nofsinhar jinsab ħdejn il-Baħar l-Iswed fl-Ukrajna. Dan is-Sit ta’ Wirt Dinji huwa transnazzjonali peress li huwa maqsum bejn 10 pajjiżi, it-tieni l-iktar Sit ta’ Wirt Dinji transnazzjonali wara l-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta’ Reġjuni Oħra tal-Ewropa.[4]