Angkor Wat
kumpless ta’ tempji tal-Ħinduiżmu/Buddiżmu fil-Kambodja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Angkor Wat (/ˌæŋkɔːr ˈwɒt/; bil-Khmer: អង្គរវត្ត "Belt it-Tempji"[1]) huwa kumpless ta' tempji fil-Kambodja u l-ikbar monument reliġjuż fid-dinja bħala erja ta' art (1,626 km2).[2] L-isem jirreferi kemm għall-kumpless ta' diversi tempji kif ukoll għat-tempju ewlieni. Dan tal-aħħar, oriġinarjament inbena bħala tempju Ħinduista ddedikat lil Vishnu fil-bidu tas-seklu 12[3], u lejn tmiem is-seklu ġie kkonvertit f'tempju Buddist u għadu hekk sa llum.[4]
It-tempju nbena mir-Re Khmer Suryavarman II[5] fil-bidu tas-seklu 12 f'Yaśodharapura (bil-Khmer: យសោធរបុរៈ), il-belt kapitali tal-Imperu Khmer, bħala t-tempju statali għall-Imperu.[6]
Bħala l-iktar tempju ppreservat tajjeb fil-kumpless ta' tempji, huwa l-uniku tempju li baqa' jintuża bħala ċentru reliġjuż sinifikanti mit-twaqqif tiegħu 'l hawn. It-tempju jirrappreżenta l-quċċata tal-istil klassiku għoli tal-arkitettura Khmer. Illum, huwa wkoll wieħed mill-iktar siti importanti ta' pellegrinaġġ għall-Buddisti fil-Kambodja u fid-dinja kollha.[7] Angkor Wat sar simbolu tal-Kambodja[8], jidher fuq il-bandiera nazzjonali, u huwa l-attrazzjoni turistika prinċipali tal-pajjiż. It-tempju kellu rwol importanti fil-konverżjoni tal-Kambodja għall-Buddiżmu.
Angkor Wat jgħaqqad flimkien żewġ pjanti bażiċi tal-arkitettura Khmer tat-tempji: it-tempju f'għamla ta' muntanja u t-tempju bil-galleriji. Id-disinn tiegħu huwa maħsub biex jirrappreżenta l-Muntanja Meru, kenn id-devi fil-kożmoloġija Ħindu u Buddista. Mad-dawra tat-tempju hemm ħondoq twil iktar minn ħames kilometri u ħajt estern ta' 3.6 kilometri.[9] It-tempju fih tliet galleriji rettangolari, waħda fuq l-oħra. Fiċ-ċentru tat-tempju hemm ħames torrijiet f'għamla ġeometrika bħal fuq dada, b'erba' torrijiet fl-irkejjen ta' kwadrat u l-ħames wieħed fin-nofs. Għad-differenza tal-biċċa l-kbira tal-kumpless ta' tempji ta' Angkor, it-tempju ewlieni ta' Angkor Wat huwa orjentat lejn il-Punent. L-istudjużi ma jaqblux bejniethom x'inhi t-tifsira ta' dan. It-tempju jiġi ammirat għall-kobor u għall-armonija tal-arkitettura tiegħu, għar-riljevi mnaqqxin estensivi tiegħu, u għall-istatwi tal-Buddha u tad-Devi.