binja moderna f'Baku, l-Ażerbajġan From Wikipedia, the free encyclopedia
Iċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev (bl-Ażerbajġani: Heydər Əliyev Mərkəzi) huwa kumpless ta' bini ta' 57,500 m2 (619,000 pied kwadru) f'Baku, l-Ażerbajġan, iddisinjat mill-arkitett Iraqqina-Brittanika Zaha Hadid u huwa rinomat għall-arkitettura distintiva tiegħu bi stil bi flussi u b'kurvaturi mingħajr l-użu ta' wisq angoli. Is-sjieda tal-kuntrattur prinċipali, Dia Holdings, hija f'idejn atturi b'rabta man-network ta' kumpaniji offshore tal-familja Aliyev fit-tmun tal-Ażerbajġan.[1]
Iċ-ċentru ngħata isem Heydar Aliyev (1923–2003), l-ewwel segretarju tal-Ażerbajġan Sovjetiku mill-1969 sal-1982, u l-President tar-Repubblika tal-Ażerbajġan minn Ottubru 1993 sa Ottubru 2003.
Fl-2007, Zaha Hadid inħatret bħala l-arkitett għad-disinn taċ-ċentru wara kompetizzjoni.[2] Iċ-ċentru fih sala tal-konferenzi (awditorju), sala tal-gallerija u mużew. Il-proġett huwa maħsub biex ikollu rwol integrali fil-ħajja intellettwali tal-belt. Il-binja tinsab qrib iċ-ċentru tal-belt u taqdi rwol ċentrali fl-iżvilupp mill-ġdid ta' Baku.
Iċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev jirrappreżenta għamla fluwida li toħroġ fid-dieher bit-"tiwi" tat-topografija naturali tal-pajsaġġ tal-madwar u bit-"tqartis" tal-funzjonijiet individwali taċ-ċentru. Il-funzjonijiet kollha taċ-ċentru, flimkien mad-daħliet, huma rrappreżentati minn tiwi f'wiċċ kontinwu uniku. Din l-għamla fluwida tagħti l-opportunità li jiġu kkollegati d-diversi spazji kulturali filwaqt li fl-istess waqt, tipprovdi lil kull element taċ-ċentru bl-identità u bil-privatezza tiegħu. Permezz tat-tiwi fuq ġewwa, il-qoxra tal-binja bħal donnha tisparixxi u ssir element tan-naħa ta' ġewwa taċ-ċentru.[3]
Iċ-ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ taċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev saret fl-10 ta' Mejju 2012 bil-preżenza tal-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev.[4]
Iċ-ċentru huwa mqassam fuq tmien sulari u fih awditorju ta' 1,000 post bilqiegħda, spazji temporanji għall-wiri, ċentru tal-konferenzi, workshops u mużew.[5]
Il-binja ġiet innominata għal xi premjijiet fl-2013 kemm fil-Festival Dinji tal-Arkitettura kif ukoll fil-Festival Intern biennali.[6] Fl-2014 iċ-ċentru rebaħ il-Premju tad-Disinn tas-Sena tal-2014 fost id-Disinni tal-Mużewijiet, minkejja tħassib dwar ir-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tas-sit.[7] B'hekk, Hadid saret l-ewwel mara li rebħet l-ogħla premju f'dik il-kompetizzjoni.[8]
Il-binja dehret f'Extreme Engineering, sensiela dokumentarja televiżiva li xxandret fuq id-Discovery Channel u s-Science Channel. L-episodju msejjaħ "Azerbaijan's Amazing Transformation" (it-Trasformazzjoni tal-Għaġeb tal-Ażerbajġan) ixxandar fit-22 ta' April 2011 bħala parti mid-disa' staġun. Il-binja dehret ukoll fl-episodju The Grand Tour imsejjaħ "Sea to unsalty sea", fejn il-preżentatur Jeremy Clarkson faħħar il-binja u lil Hadid. Il-binja dehret ukoll fuq il-"kartolina" ta' Samra Rahimli tal-Ażerbajġan fil-Festival tal-Eurovision tal-2016 u f'Google Doodle fl-2017.[9]
Fid-29 ta' Ġunju 2012, fiċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev sar il-ftuħ uffiċjali tal-Forum ta' Crans Montana, bil-preżenza tal-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev, tal-President tal-Georgia Mikheil Saakashvili, tal-President tal-Maċedonja ta' Fuq Gjorge Ivanov, tal-President tal-Montenegro Filip Vujanović, kif ukoll ta' figuri pubbliċi barranin, membri parlamentari, intellettwali u negozjanti.[10]
Fit-3 ta' Lulju 2012, fiċ-ċentru saret iċ-ċerimonja uffiċjali tat-tluq tad-delegazzjoni tal-Ażerbajġan li ħadet sehem fil-Logħob Olimpiku tas-Sajf tal-2012 f'Londra. Fiċ-ċerimonja kienu preżenti il-President tar-Repubblika tal-Ażerbajġan u l-President tal-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Ilham Aliyev u l-mara tiegħu Mehriban Aliyeva. Fl-entrata taċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev ġew installati strixxuni bir-ritratti li jirriflettu l-moviment Olimpiku fl-Ażerbajġan. Il-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev għamel diskors ukoll f'din iċ-ċerimonja.
Wara t-tiswijiet li saru wara n-nirien li ħakem il-binja (ara hawn taħt), fit-2 u fit-3 ta' Novembru 2013, it-teatru mużikali ta' Moska Helikon Opera, taħt it-tmexxija tal-Artist Popolari tar-Russja Dmitry Bertman, ippreżenta spettakli fiċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev. Fit-2 ta' Novembru, il-Helikon Opera ppreżenta kunċert gala msejjaħ "The Enduring Love", programm li kien jinkludi l-kanzunetti ta' Marilyn Monroe, Tina Turner, Elton John, Celine Dion, Whitney Houston, u l-Beatles. Fit-3 ta' Novembru, l-artisti ħadmu l-ispettaklu tal-opra Siberia tal-kompożitur Taljan Umberto Giordano, imtella' minn Dmitry Bertmann.
Fil-21 ta' Ġunju 2013, iċ-ċentru ospita l-wirja tax-xogħlijiet tal-artist Amerikan Andy Warhol bit-titlu "Ħajja, Mewt u Ġmiel", taħt is-superviżjoni ta' Gianni Mercurio, biex jiċċelebra l-85 anniversarju tal-artist. Il-wirja esponiet għall-ewwel darba fl-Ażerbajġan iktar minn mitt opra tal-artist, inkluż featurettes ta' Warhol. Intwerew ir-ritratti tal-awtur, ir-ritratti tal-artisti dinjin tal-films, tal-mużika u tal-moda, kif ukoll xogħlijiet rinomati mad-dinja kollha, fosthom Fjuri, Camouflage, L-Aħħar Ċena, Idejn Maskili Jitolbu, u Siġġu Elettriku. Fis-6 ta' Awwissu, għeluq snin l-artist, ir-residenti u l-viżitaturi ta' Baku setgħu jżuru l-wirja b'xejn, sad-9 ta' Settembru.
Fl-1 ta' Ottubru 2013, iċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev ospita wirja personali tal-Artist Popolari tal-Ażerbajġan, il-Viċi President tal-Akkademja Russa tal-Arti Tahir Salahov, imsejħa "Fil-bidla tas-seklu". Il-wirja ttellgħet biex tiċċelebra l-85 anniversarju tal-artist. Il-kontribut kbir tiegħu għall-iżvilupp tal-belle arti tal-Ażerbajġan ġiet enfasizzata fil-ftuħ tal-wirja. Il-wirt artistiku ta' Salahov huwa parti integrali tal-arti mhux biss tal-Ażerbajġan, iżda anke tal-eks Unjoni Sovjetika kollha. Huwa magħruf bħala wieħed mill-fundaturi tal-"istil sever" fil-pittura. Fil-wirja ġew esposti iktar minn 100 opra tal-artist, li nħolqu fi żminijiet differenti, u x-xogħlijiet tiegħu fuq it-twapet. Fost l-eżibiti kien hemm ir-ritratti ta' Heydar Aliyev, tal-kompożituri Gara Garayev u Dmitri Shostakovich, tal-mużiċist Mstislav Rostropovich, ix-xogħlijiet Aidan, Morning. Absheron, Koroglu, it-trittiku ta' Absheron – Ateshgah, The Caspian today, Maiden Tower, u opri magħrufa oħra tal-artist popolari. Il-wirja damet sat-8 ta' Novembru 2013.
Fl-2017, iċ-ċentru reġa' fetaħ il-bibien tiegħu għall-Wirja tal-Arti Kontemporanja Torka, b'kollezzjoni tal-opri tal-arti ta' diversi artisti Torok.
Fis-27 ta' Mejju 2019, fiċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev ġiet ospitata l-wirja "Kapulavuri tal-Istorja", li kienet tinkludi artefatti tal-qedem mill-Georgia u mill-Ażerbajġan.
Il-maġġoranza tal-artefatti kienu tal-epoka Gajar u kienu jinkludu opri taċ-ċeramika u tal-metall, fuq tila, minjaturi u oġġetti ta' Fatali Khan, inkluż ir-ritratt tiegħu.
Fil-wirja ntweriet ukoll kollezzjoni fotografika ta' Dmitri Yermakov, parteċipant tal-Gwerra bejn ir-Russi u l-Ottomani tal-1877-1878.
Fid-29 ta' Novembru 2018, ittellgħet il-wirja "Skultura Iperrealistika. Kważi Ħajja" fiċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev. Il-wirja kienet tikkonsisti minn figuri deformati b'daqsijiet straordinarji, statwi monokromatiċi, u opri li jirrappreżentaw diversi partijiet tal-ġisem.
Fil-wirja ntwerew opri maħluqa minn Daniel Firman, Duane Hanson, Tony Matelli, Mel Ramos, Mathilde ter Heijne, Robert Graham, Allen Jones, Zharko Basheski, George Segal u artisti oħra.
Fit-22 ta' Mejju 2019, Zurab Tsereteli fetaħ wirja fiċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev. Il-wirja kienet iddedikata biex tiċċelebra l-85 anniversarju ta' Zurab Tsereteli. Tletin pittura u statwa nġabu minn Moska, Tbilisi u Londra u ntwerew fiċ-ċentru.
Fis-26 ta' Novembru 2018, l-Orkestra tal-Festival ta' Strauss ta' Vjenna għamlet kunċert fiċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev. L-orkestra kienet għamlet kunċerti oħra fiċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev diġà fl-2014 u fl-2016.[11]
Jaggi Vasudev, magħruf ukoll bħala Sadguru, ta lekċer fiċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev fl-10 ta' Novembru 2018. Is-suġġett kien jikkostitwixxi sistema komprensiva li oriġina minn studji tal-yoga antiki sekli sħaħ immirati lejn it-trasformazzjoni personali profonda u sostenibbli.[12]
Fl-20 ta' Lulju 2012, wara spettaklu wieħed biss, kien hemm nirien li ħakmu s-saqaf tal-binja lejn il-11:30 ta' filgħodu. In-nirien intfew mill-pumpiera, u inizjalment ġie rrapportat li n-nirien kienu kkawżaw ħsarat fis-saqaf tal-binja, u kkawżaw ftit ħsarat fuq ġewwa, l-iktar minħabba l-ilma li ntuża mill-membri tat-tifi tan-nar biex jitfu n-nirien. Madankollu, iktar 'il quddiem ġie rrapportat li ċ-ċentru ġarrab "konsegwenzi gravi u ħsarat materjali fuq skala kbira". L-uffiċjali kkonkludew li n-nirien irriżultaw minn negliġenza fl-użu tat-tagħmir tal-iwweldjar fis-saqaf; sussegwentement tliet kuntratturi Torok ġew akkużati skont il-kodiċi kriminali tal-Ażerbajġan. Wara sittax-il xahar ta' tiswijiet, reġa' nfetaħ formalment fil-5 ta' Novembru 2013.[13]
Il-wirja tal-Mini Ażerbajġan fit-tieni sular turi mudelli ta' 24 binja storika u arkitettonika. Il-viżitaturi jistgħu jitgħallmu wkoll dwar l-istorja u l-arkitettura tal-binjiet kemm bl-Ażerbajġani kif ukoll bl-Ingliż.[14]
Fost il-binjiet fil-wirja hemm dawk ta' żmien il-Medju Evu (it-Torri tax-Xebba, il-Mawżolew ta' Momine Khatun), tas-seklu 19 (il-Bażar ta' Baku, is-Sala Filarmonika Statali tal-Ażerbajġan, il-Palazz ta' Ismailiyya), tal-era Sovjetika (il-Binja tal-Gvern, it-Teatru Ekoloġiku), tas-seklu 21 (is-Sala tal-Kristall ta' Baku, it-Torrijiet tal-Fjammi) kif ukoll il-binjiet li għadhom qed jinbnew (l-Istadium Olimpiku ta' Baku u l-Fond Statali taż-Żejt tar-Repubblika tal-Ażerbajġan).[15]
Iċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev għandu rabtiet mill-qrib ma' għadd ta' aġenziji internazzjonali, ma' strutturi pari barranin, ma' mużewijiet u ma' ċentri tal-wirjiet. Iċ-ċentru organizza avveniment u wirjiet bħala riżultat tal-kooperazzjoni konġunta ma' organizzazzjonijiet, mużewijiet u wirjiet differenti tal-Awstrija, tal-Belġju, tar-Renju Unit, ta' Franza, tal-Italja, tar-Russja, tas-Slovenja, tat-Turkija, eċċ. Fl-istess żmien, wettaq għadd ta' proġetti fir-Renju Unit, f'Iżrael, fl-Italja, fl-Ungerija, fir-Rumanija, fir-Russja, fit-Turkija, fil-Ġappun u f'pajjiżi oħra. Iċ-ċentru sar membru ta' organizzazzjonijiet internazzjonali diversi.
L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Wirjiet u tal-Avvenimenti (IAEE)
L-għan ewlieni tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Wirjiet u tal-Avvenimenti hu li tipprovdi appoġġ għall-aġenziji involuti fl-organizzazzjoni tal-avvenimenti u tal-wirjiet permezz ta' riżorsi u ta' informazzjoni, u li tiżviluppa l-industrija tal-wirjiet. Iċ-ċentru ilu jgawdi mis-sħubija tal-IAEE mis-17 ta' Settembru 2013.
L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kungressi u tal-Konvenzjonijiet (ICCA)
L-ICCA hija l-assoċjazzjoni ewlenija fid-dinja fil-qasam tal-organizzazzjoni u tal-akkomodazzjoni tal-avvenimenti internazzjonali b'90 stat membru attwalment. Iċ-ċentru sar membru tal-ICCA fl-10 ta' Ottubru 2013.
L-Assoċjazzjoni Internazzjonali taċ-Ċentri tal-Konvenzjonijiet (AIPC)
Iċ-ċentru ngħaqad mal-Assoċjazzjoni taċ-Ċentri tal-Konvenzjonijiet fil-15 ta' Settembru 2014 li tlaqqa' flimkien lill-maniġers professjonisti taċ-ċentri tal-konvenzjonijiet u tas-swali tal-wirjiet, b'iktar minn 50 stat membru attwalment.
L-Assoċjazzjoni tal-Organizzaturi tal-Avvenimenti (AEO)
L-Assoċjazzjoni tal-Organizzaturi tal-Avvenimenti tlaqqa' flimkien lill-organizzazzjonijiet involuti fil-ġestjoni, fit-tħaddim u fil-bejgħ tal-avvenimenti. L-objettiv ewleni tal-AEO hu li tikkondividi l-aqwa prattiki fil-kwistjonijiet tas-sigurtà u tas-sostenibbiltà, kif ukoll fil-kwistjonijiet tekniċi u finanzjarji. Iċ-Ċentru Kulturali ta' Heydar Aliyev ilu membru tal-assoċjazzjoni mill-15 ta' Diċembru 2014.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.