Wales
nazzjon li jagħmel parti mir-Renju Unit / From Wikipedia, the free encyclopedia
Wales (bil-Welsh: Cymru [ˈkəm.rɨ]) huwa pajjiż li jagħmel parti mir-Renju Unit. Bħala fruntieri jmiss mal-Ingilterra fil-Lvant, mal-Baħar Irlandiż fit-Tramuntana u fil-Punent, mal-Baħar Ċeltiku fil-Lbiċ u mal-Fliegu ta' Bristol fin-Nofsinhar. Bħala parti miċ-ċensiment tal-2021, il-pajjiż kellu popolazzjoni ta' 3,107,494 ruħ.[1] Għandu erja totali ta' 21,218 km2 (8,192 mil kwadru) u iżjed minn 1,680 mil (2,700 kilometru) ta' kosti.[2] Fil-biċċa l-kbira huwa muntanjuż, bl-ogħla qċaċet tiegħu fit-Tramuntana u fiż-żoni ċentrali, inkluż Snowdon (Yr Wyddfa), l-ogħla quċċata.[3] Il-pajjiż jinsab fi ħdan iż-żona miti tat-Tramuntana u għandu klima marittima varjabbli. Il-belt kapitali u l-ikbar belt hija Cardiff.
L-identità nazzjonali ta' Wales feġġet fost il-Brittaniċi Ċeltiċi wara li r-Rumani rtiraw mir-Brittanja fis-seklu 5 W.K., u Wales ifforma bħala renju taħt Gruffydd ap Llywelyn fl-1055. Wales jitqies bħala wieħed min-nazzjonijiet Ċeltiċi. Wara iktar minn 200 sena ta' gwerra, il-ħakma ta' Wales mir-Re Dwardu I tal-Ingilterra tlestiet sal-1283, għalkemm Owain Glyndŵr mexxa r-Rewwixta ta' Wales kontra t-tmexxija Ingliża fil-bidu tas-seklu 15, u għal żmien qasir reġa' stabbilixxa stat indipendenti ta' Wales bil-parlament nazzjonali tiegħu stess (bil-Welsh: senedd). Fis-seklu 16, Wales kollu ġie anness mal-Ingilterra u ġie inkorporat fi ħdan is-sistema legali Ingliża skont l-Atti tal-1535 u tal-1542 dwar il-Liġijiet f'Wales. F'Wales żviluppat politika distintiva fis-seklu 19. Il-Liberaliżmu ta' Wales, li ħareġ fid-dieher fil-bidu tas-seklu 20 permezz ta' David Lloyd George, ġie sostitwit bit-tkabbir tas-soċjaliżmu u l-Partit Laburista. Is-sentiment nazzjonali ta' Wales kiber matul is-seklu: partit nazzjonalista, Plaid Cymru, ġie ffurmat fl-1925, u s-Soċjetà tal-Lingwa ta' Wales ġiet stabbilita fl-1962. F'Wales tintuża sistema ta' governanza permezz tad-devoluzzjoni, u l-iżjed pass ewlieni tagħha kien il-formazzjoni tas-Senedd (il-Parlament ta' Wales, li qabel kien l-Assemblea Nazzjonali għal Wales) fl-1998, li huwa responsabbli għal firxa ta' kwistjonijiet ta' politika devoluta.
Fl-aħħar tar-Rivoluzzjoni Industrijali, l-iżvilupp tal-industriji tal-estrazzjoni u tal-metallurġija ttrasformaw il-pajjiż minn soċjetà agrikola f'waħda industrijali; l-isfruttament tal-Medda tal-Faħam tan-Nofsinhar ta' Wales ikkawża żieda rapida fil-popolazzjoni ta' Wales. Żewġ terzi tal-popolazzjoni jgħixu fin-Nofsinhar ta' Wales, inkluż Cardiff, Swansea, Newport u l-widien fil-qrib. Ir-reġjun tal-Lvant tat-Tramuntana ta' Wales fih madwar 16.67 % tal-popolazzjoni kumplessiva, u Wrexham hija l-ikbar belt fit-Tramuntana. Il-partijiet l-oħra ta' Wales għandhom popolazzjoni sparpaljata. Issa li l-industriji tqal u tal-estrazzjoni tradizzjonali tal-pajjiż għebu jew qed imajnaw, l-ekonomija hija bbażata fuq is-settur pubbliku, l-industriji ħfief u tas-servizzi, u t-turiżmu. L-agrikoltura f'Wales hija bbażata l-iktar fuq it-trobbija tal-bhejjem, u fil-fatt Wales huwa esportatur nett ta' prodotti tal-annimali, għaldaqstant dan jikkontribwixxi biex il-pajjiż ikun awtosuffiċjenti fl-agrikoltura fuq livell nazzjonali.
Il-pajjiż għandu identità nazzjonali u kulturali distinta u mill-aħħar tas-seklu 19 'il quddiem, Wales kiseb ir-reputazzjoni popolari tiegħu bħala l-"art tal-kant", parzjalment minħabba t-tradizzjoni tal-eisteddfod u t-trawwim tal-kant f'kor. Kemm il-lingwa ta' Wales kif ukoll l-Ingliż huma lingwi uffiċjali. Il-maġġoranza tal-popolazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-inħawi jitkellmu bl-Ingliż, filwaqt li maġġoranza tal-popolazzjoni f'partijiet fit-Tramuntana u l-Punent jitkellmu bil-Welsh, b'total ta' 538,300 kelliem tal-Welsh fil-pajjiż kollu.