Pamukkale
From Wikipedia, the free encyclopedia
Pamukkale, li tfisser "kastell tal-qoton" bit-Tork, huwa sit naturali fil-Provinċja ta' Denizli fil-Lbiċ tat-Turkija. Iż-żona hija famuża għall-mineral karbonat li jitħalla mill-fluss tal-ilma tal-fawwara termali.[1] Is-sit jinsab fir-reġjun Eġew fuq ġewwa tat-Turkija, fil-wied tax-xmara Menderes, li għandu klima miti għall-biċċa l-kbira tas-sena.
Il-belt Griega antika ta' Hierapolis (li tfisser Belt Sagra) inbniet fuq formazzjoni tat-travertin (il-ġir li jifforma mill-fawwara termali) li b'kollox hija twila madwar 2,700 metru, wiesgħa 600 metru u għolja 160 metru.[1] Wieħed jista' jara s-sit mill-għoljiet fuq in-naħa opposta tal-wied fir-raħal ta' Denizli, xi 20 kilometru 'l bogħod. Din iż-żona magħrufa bħala Pamukkale-Hierapolis ilha tattira l-viżitaturi minħabba l-fawwariet termali tagħha minn żmien l-antikità klassika. L-isem bit-Tork jirreferi għas-superfiċe tal-ġebla tal-ġir bajda silġ, imsawra tul il-millenji mill-fawwariet mimlija kalċit. Bil-qatra l-qatra, l-ilmijiet mimlija minerali jgelglu ma' ġenb l-għolja tas-sit u jinġemgħu f'vaski minerali sa ma jfuru u joħolqu qishom kaskati żgħar għal ġol-vaski ta' taħt. Skont leġġenda l-formazzjonijiet huma qoton solidifikat (l-għalla prinċipali taż-żona) li l-ġganti ħallew jinxef fix-xemx.[1]
In-nies żaru ż-żona minn eluf ta' snin ilu minħabba l-attrazzjoni tal-fawwara termali. Saħansitra sa nofs is-seklu 20, kienu nbnew lukandi fuq il-fdalijiet ta' Hierapolis li kkawżaw ħsara konsiderevoli. Inbniet triq mill-wied sal-kaskati mtarrġin ta' Pamukkale, u l-muturi kienu jitħallew jitilgħu u jinżlu mill-għoljiet bojod. Meta ż-żona ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, il-lukandi twaqqgħu u t-triq tneħħiet u ġiet sostitwita b'vaski artifiċjali. Hemm fdalijiet Rumani ppreservati tajjeb u mużew fil-post. Mogħdija tal-mixi żgħira tippermetti lill-viżitaturi jaslu sas-sit ħafjin billi jgħaddu minn fuq fluss tat-travertin, għalkemm il-kaskati mtarrġin kollha huma magħluqin għall-pubbliku, u wieħed jista' jħares biss lejhom, minħabba li ġarrbu ħsarat mill-erożjoni u t-tniġġis tal-ilma minħabba t-turiżmu.[2]
Pamukkale ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988 flimkien ma' Hierapolis.[2]