Lucrezia Borgia
From Wikipedia, the free encyclopedia
Lucrezia Borgia (Subiaco, 18 ta' April 1480 – Ferrara, 24 ta' Ġunju 1519) kienet it-tifla illeġittima tal-Papa Alessandru VI (Rodrigo Borgia) u l-maħbuba tiegħu Vannozza Cattaneo.
Kienet mara ta' sbuħija affaxxinanti li spiss sabet ruħha mdaħħla fl-intrigi tal-qrati Taljani ta' żmienha. Ħajjitha kienet marbuta mal-fortuna tal-familja qawwija tagħha. Kienet kastellana Rinaxximentali perfetta li tattira l-ammirazzjoni u tbeżża' fl-istess ħin [1] u kisbet il-fama ta' politikanta ta' ħila u diplomatika għaqlija.
Il-familja ta' Lucrezia, matul l-istorja, spiċċat biex saret l-inkarnazzjoni tal-politika Machiavelljana bla ħniena u tal-korruzzjoni sesswali attribwita lill-papati Rinaxximentali. Missierha, Alessandru VI u ħuha Cesare irranġawlha bosta żwiġijiet ma' rġiel importanti u qawwija, bl-għan li jilħqu l-ambizzjonijiet politiċi tagħhom.
F'dan il-kuntest, l-għedewwa tal-familja Borgia għamlu lil Lucrezia xbieha ta' femme fatale, parti li tidher fiha f'ħafna xogħlijiet tal-arti, rumanzi u films, li però għadha ma' ġietx dokumentata bis-serjetà. M'għandniex fatti biżżejjed dwar il-vera Lucrezia biex ikunu ċerti jekk l-istejjer li kienet imdaħħla fil-kriminalità ta' missierha u ħuha humiex minnhom.
Fil-Qorti ta' Este tat-tielet raġel tagħha, Alfonsu I, Lucretia setgħet tinsa l-imgħoddi tagħha u saret popolarissma bis-saħħa tas-sbuħija u l-intelliġenza tagħha. Tilfet l-interess kollu fil-politika u ntefgħet minflok fuq il-ħolqien ta' ħajja immaġinattiva u intellettwali fil-qorti, iċċelebrata minn poeti bħal Ariosto, Bembo, Trissino u Ercole Strozzi, u ġabret madwarha n-nies l-aktar famużi tar-Rinaxximent.
Mill-1512, minħabba l-iżventuri li laqtu lilha u d-dar ta' Ferrara, Lucrezia għaddiet perjodi twal fil-kunvent. Mietet fl-1519 ta' disa' u tletin sena hija u twelled.