Krak des Chevaliers
kastell tal-Kruċjati qrib Homs, is-Sirja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Krak des Chevaliers (bil-Franċiż: [kʁak de ʃ(ə)valje]; bl-Għarbi: قلعة الحصن, b'ittri Rumani: Qalʿat al-Ḥiṣn [ˈqalʕat alˈħisˤn]; bil-Franċiż Antik: Crac des Chevaliers jew Crac de l'Ospital, litteralment "karak [fortizza] tal-isptar") huwa kastell Medjevali fis-Sirja u wieħed mill-iżjed kastelli Medjevali ppreservati importanti fid-dinja. Is-sit ġie abitat għall-ewwel darba fis-seklu 11 minn truppi Kurdi stazzjonati fi gwarniġjon hemmhekk mill-Mirdasidi. Fl-1142 ingħata minn Raymond II, il-Konti ta' Tripoli, lill-Ordni tal-Kavallieri Ospitalieri. Baqa' okkupat minnhom sal-ħakma mill-ġdid mill-Musulmani fl-1271.
Il-Kavallieri bdew jerġgħu jibnu l-kastell fis-snin 40 tas-seklu 12 u lestewh sal-1170, iżda terremot ikkawża ħsarat estensivi lill-kastell. L-Ordni kkontrollat għadd ta' kastelli tul il-fruntiera tal-Kontea ta' Tripoli, stat stabbilit wara l-Ewwel Kruċjata. Krak des Chevaliers kien fost l-iżjed importanti, u ntuża bħala ċentru ta' amministrazzjoni kif ukoll bħala bażi militari. Wara li kien hemm fażi oħra ta' kostruzzjoni fis-seklu 13, Krak des Chevaliers sar kastell konċentriku. Din il-fażi ħolqot il-ħitan esterni u tat id-dehra attwali lill-kastell. L-ewwel nofs tas-seklu ġie deskritt bħala l-"epoka tad-deheb" ta' Krak des Chevaliers. Fil-quċċata tiegħu, Krak des Chevaliers ospita gwarniġjon ta' madwar 2,000 ruħ. Permezz ta' gwarniġjon daqstant kbir, il-Kavallieri setgħu jiġbru ħlasijiet minn żona wiesgħa. Mis-snin 50 tas-seklu 13, ix-xorti tal-Kavallieri Ospitalieri għebet u fl-1271 is-sultan tal-Mamluk Baibars ħataf il-kastell ta' Krak des Chevaliers wara assedju li dam 36 jum, x'aktarx permezz ta' ittra ffalsifikata taparsi mill-Gran Mastru tal-Ordni li wasslet biex il-Kavallieri jarrendu.
L-interess imġedded fil-kastelli tal-Kruċjati fis-seklu 19 wassal għall-investigazzjoni ta' Krak des Chevaliers, u tfasslu l-pjanti arkitettoniċi. Fl-aħħar tas-seklu 19 jew fil-bidu tas-seklu 20 inħoloq insedjament fi ħdan il-kastell li kkawża ħsarat lin-nisġa tiegħu. Il-500 abitant ġew ittrasferiti fl-1933 u l-kastell għadd f'idejn l-Istat Alawit Franċiż, li wettaq programm ta' kklerjar u ta' restawr. Meta s-Sirja ħadet l-indipendenza fl-1946, il-kontroll tal-kastell għadda f'idejha.
Illum il-ġurnata, madwar il-kastell jeżisti l-villaġġ ta' Al-Husn, li għandu popolazzjoni ta' kważi 9,000 ruħ. Krak des Chevaliers jinsab bejn wieħed u ieħor 40 kilometru (25 mil) fil-Punent tal-belt ta' Homs, qrib il-fruntiera mal-Libanu, u amministrattivament jagħmel parti mill-Governorat ta' Homs. Mill-2006, il-kastelli ta' Krak des Chevaliers u ta' Qal'at Salah El-Din ġew irrikonoxxuti mill-UNESCO bħala Sit ta' Wirt Dinji.[1] Il-kastell ġarrab ħsarat parzjali fil-gwerra ċivili Sirjana minħabba l-isparar u l-ġlied, u reġa' nħatef mill-forzi tal-gvern Sirjan fl-2014. Minn dak iż-żmien 'l hawn, sar xogħol ta' rikostruzzjoni u ta' konservazzjoni fuq is-sit. Kull sena jsiru rapporti mill-UNESCO u mill-gvern Sirjan dwar l-istat tas-sit.[2]