From Wikipedia, the free encyclopedia
L-iStojċiżmu (Grieg Στωικισμός) huwa skola ta' filosofija Ellenistika mwaqqfa f'Ateni minn Żenone ta' Ċizju fis-snin bikrin tas-seklu III QK. L-Istoċji kienu jemmnu li l-emozzjonijiet distruttivi jirriżultaw minn żbajli fil-ġudizzju, u li għaref, jew "persuna ta' perfezzjoni morali u intellettwali," ma tbatix minn emozzjonijiet bħal dawn.[1]
L-Istojċi kienu interessati ferm fir-relazzjoni attiva bejn id-determiniżmu kożmiku u r-rieda ħielsa tal-bniedem, u t-twemmin li huwa virtwuż li wieħed ikollu rieda (msejħa prohairesis) li tkun taqbel man-natura. Minħabba dan, l-Istojċi ppreżentaw il-filosofija tagħhom bħala mod ta' ħajjaa, u għallmu li l-aħjar indikazzjoni ta' liema filosofija wieħed iħaddan ma kenitx dak li wieħed jgħid, imma dak li wieħed jagħmel.[2]
L-Istojċi li dehru iktar tard, Seneka u Epittetu, emfażizzaw li minħabba li l-"virtù hi biżżejjed għall-kuntentizza," l-għaref huwa immuni għall-isfortuna. Dat-twemmin huwa simili għat-tifsira tal-frażi 'kalma stojka', għalkemm il-frażi ma tinkludix il-pożizzjoni etika radikali tal-Istojċi li l-għaref biss jista' jiġi meqjus verament ħieles, u li l-korruzzjonijiet morali huma kollha vizzjużi bl-istess mod.[1]
Mit-twaqqif tagħha, id-duttrina Stojka kienet filosofija popolari u dewwiema, b'appoġġ madwar il-Greċja u l-Imperu Ruman, inkluż mill-Imperatur Marku Awrelju, sal-għeluq tal-iskejjel kollha tal-filosofija fis-sena 529 WK, b'ordni tal-Imperatur Ġustinjanu I, li ra l-karattru pagan tagħhom bħala kunfliġġenti mat-twemmin Nisrani.[3]
“ | Il-filosofija ma twiegħed li tiżgura xejn estern għall-bniedem, inkella tkun qed tammetti xi ħaġa li tinsab lil hinn mis-suġġett proprju tagħha. Għax kif il-materja tal-mastrudaxxa huwa l-injam, u dak tal-istatwarju l-bronż, hekk is-suġġett tal-mod ta' kif kull persuna għandha tgħix hi proprju l-ħajja nfisha tal-istess persuna. | ” |
—Epiktetu[4] |
L-Istojċi pprovdew deskrizzjoni unifikata tad-dinja, li tikkonsisti f'loġika formali, fiżika li m'hiex dwalistika, u etika naturalista. Minn dawn, huma emfażizzaw l-etika bħala l-għan prinċipali tal-għarfien tal-bniedem, allura t-teoriji loġiċi tagħhom kienu iktar ta' interess għal filosfi li ġew aktar tard.
L-istojċiżmu jippromwovi l-iżvilupp tal-awto-kontroll u l-fortitudni bħala mezz kif wieħed jegħleb emozzjonijiet distruttivi; il-filosofija ssostni li aktar ma wieħed isir ħassieb ċar u mingħajr preġudizzju, wieħed joqrob dejjem iktar biex jifhem ir-raġunament universali (logos). Aspett importanti tal-istojċiżmu jinvolvi t-titjib tas-saħħa morali u etika tal-individwu: "Il-virtù tikkonsisti f'rieda li taqbel man-Natura."[5] Dan il-prinċipju japplika wkoll għar-relazzjonijiet interpersonali; "biex wieħed ikun ħieles mir-rabja, mill-għira, u l-ġelożija,"[6] wieħed għandu jaċċetta anke li l-iskjavi huma "daqs nies oħra, għaliex il-bnedmin kollha huma prodott tan-natura bl-istess mod."[7]
L-etika Stojka tħaddan prospettiva deterministika; rigward dawk neqsin mill-virtǜ Stojka, Cleanthes darba qal li r-raġel ħażin huwa bħal "kelb marbut ma' karru, imġiegħel imur kulfejn imur il-karru."[5] Dak li għandu l-virtǜ Stojka, min-naħa l-oħra, jibdel għemilu biex jaqbel mad-dinja u jibqa', fi kliem Epittetu, "marid iżda kuntent, fil-periklu iżda kuntent, qed imut iżda kuntent, eżiljat iżda kuntent, fil-grazzja u kuntent,"[6] u b'dan il-mod jippostula rieda individwali "kompletament awtonoma", u fl-istess ħin univers li huwa "riġidament deterministiku, sħiħ u waħdani".
Fid-dinja Ellenistika u fl-Imperu Ruman, l-Istojċiżmu kien l-aktar filosofija popolari fost dawk edukati,[8] daqshekk li, fi kliem Gilbert Murray "kważi s-suċċessuri kollħa ta' Alessandu [...] stqarru lilhom infushom Stojċi."[9]
Għall-ħabta tas-sena 301 QK, Żenone ta' Ċizju beda jgħallem il-filosofija fl-Stoa Poikile (i.e., "il-veranda mprittra"), minn fejn il-filosofija tiegħu ħadet isimha.[10] Bil-maqlub ta' skejjel filosofiċi oħrajn, fosthom l-Epikurej, Żenone għażel li jgħallem il-filosofija tiegħu fi spazju pubbliku, loġoġ li jgħatu għall-iktar misraħ ċentrali t'Ateni, l-Agora.
L-ideat ta' Żenone żviluppaw minn dawk taċ-Ċiniċi, li l-fundatur tagħhom, Antistene, kien dixxiplu ta' Sokrate. L-iktar dixxiplu influwenti ta' Żenone kien Krisippu, li kien responsabbli tal-iffurmar ta' dak li llum jissejjaħ Stojċiżmu. Stojċi Rumani li ġew iktar tard iffukaw fuq it-tagħlim ta' ħajja f'armonija mal-univers, li fuqu wieħed m'għandu ebda kontroll dirett.
L-istudjużi ġeneralment jaqsmu l-istorja tal-Istojċiżmu fi tliet fażijiet:
Kif jgħid A. A. Long, ma ssopraviva l-ebda xogħol Stojku sħiħ mill-ewwel żewġ fażijiet tal-Istojċiżmu. Baqa' biss kitbiet Rumani mill-Istoa tal-Aħħar.[11]
Djodoru Kronu, wieħed mill-għalliema ta' Żenone, huwa kkunsidrat l-ewwel filosfu li introduċa u żviluppa l-metodu loġiku magħruf bħala l-loġika propożizzjonali. Dan huwa metodu bbażat fuq stqarrijiet u propożizzjonijiet, iktar milli termini, u dan jagħmlu differenti ħafna mil-loġika tat-termini t'Aristotli. Iktar tard, Krisippu żviluppa dan il-metodu loġiku f'sistema li saret magħrufa bħala l-loġika Stojka u inkluda sistema deduttiva (is-silloġistika Stojka) li kienet meqjusa rivali tas-silloġistika t'Aristotli. Fis-seklu XX qam interess interess ġdid fil-loġika Stojka, meta żviluppi importanti fil-loġika kienu bbażati fuq il-loġika propożizzjonali. Susanne Bobzien tgħid li "l-ħafna xebħ bejn il-loġika filosofika ta' Krisippu u dik ta' Gottlob Frege huwa impressjonanti."[12]
Bobzien tinnota wkoll li "Krisippu kiteb 'il fuq minn 300 ktieb dwar il-loġika, tista' tgħid fuq is-suġġetti kollha li jikkonċernaw 'il-loġika tal-lum, inkluż it-teorija tal-atti lingwistiċi, l-analiżi tas-sentenzi, espressjonijiet singulari u plurali, tipi ta' predikati, l-indessikali, propożizzjonijiet eżistenzjali, il-konnettivi sentenzjali, in-negattivi, id-diżġunzjoni, il-kondizzjonali, il-konsegwenz loġika, l-forom t'argumenti validi, it-teorija tad-deduzzjoni, il-loġika propożizzjonali, il-loġika modali, il-loġika tat-tensi, il-loġika epistemoloġika, il-loġika tas-suppożizzjoni, il-loġika tal-imperativi, paradossi dwar l-ambigwità u l-loġika."[12]
L-Istojċi kienu jemmnu li l-kewn (ὄντα) kollu -- għalkemm mhux l-oġġetti kollha (τινά) -- huwa materjali. Huma aċċettaw id-distinzjoni bejn affarijiet konkreti u oħrajn Oġġett astratt, iżda ċaħdu t-twemmin ta' Aristotli li jeżisti kewn purament inkorporali. Huma aċċettaw l-idea t'Anassagora (bħalma għamel Aristotli) li jekk oġġett ikun jaħraq, ikun hekk għaliex ikun daħal fih xi ftit minn massa universali ta' sħana. Iżda, bil-maqlub ta' Aristotli, huma estendew l-idea biex tkopri l-aċċidenti kollha. Allura, jekk oġġett huwa aħmar, huwa hekk għaliex ikun daħal fih xi parti minn massa universali ta' ħmura.
Huma kienu jsostnu li hemm erba' Kategoriji.
L-Istojċi kienu jemmnu li l-għarfien jista' jinkiseb permezz tar-raġuni. Il-verità tista' tingħaraf mill-fallaċja; anke jekk, fil-prattika, tista' ssir biss approssimazzjoni. Skont l-Istojċi, is-sensi l-ħin kollu jirċievu sensazzjonijiet: taħbit li jgħaddi mill-oġġetti għas-sensi, għall-menti (moħħ), fejn iħallu impressjoni fuq l-immaġinazzjoni (fantasija). (Impressjoni li tqum mill-moħħ innifsu kienet tissejjaħ fantażma.)[13]
Il-menti għandu l-abiltà li jiġġudika (sunkatathesis)—japprova jew jirriġetta—impressjoni, bil-fakultà li jagħrab bejn rappreżentazzjoni veritiera tar-realtà minn waħda falza. Xi impressjonijiet jistgħu jinkisbu mill-ewwel, iżda oħrajn jistgħu jiksbu biss gradi varji t'approvazzjoni dubjuża, li tista' tissejjaħ twemmin jew opinjoni (doxa). Huwa biss permezz tar-raġuni li jirbexxielna niksbu fehma u konviżjoni ċara (katalepsis). Għarfien ċert u veru (episteme), li seta' jintlaħaq mill-għaref Stojku, jista' jinkiseb biss billi wieħed jivverifika l-konvizjoni mal-għarfien espert t'oħrajn fis-suġġett, u l-ġudizzju kollettiv tal-umanità.
Skont l-Istojċi, l-univers huwa sustanza materjali u li tirraġuna, u huwa magħruf bħala Alla jew Natura. L-Istojċi qasmu n-natura f'żewġ klassijiet: l-attiv u l-passiv. Is-sustanza passiva hi l-materja, li "hi kajmana, sustanza lesta għal kwalunkwe użu, iżda wkoll ċerta li tibqa' bla użu jew xejn ma jġiegħla tibda."[14] Is-sustanza attiva, li tista' tissejjaħ ix-xorti, jew ir-Raġuni Universali (Logos), hi eteru intelliġenti, jew nar primordjali, li jwettaq fuq il-materja passiva:
Kollox huwa suġġett għal-liġijiet tax-Xorti, għaliex l-Univers jaġixxi biss skont in-natura tiegħu, u n-natura tal-materja passiva li jiggverna. L-erwieħ tal-bnedmin u l-annimali joħorġu minn dan-nar primordjali u huma, ukoll, suġġetti għax-Xorti:
Erwieħ individwali min-natura tagħhom jispiċċaw, u jistgħu jiġu "mibdulin u diffużi, u jassumu natura qalila billi jintlaqgħu fir-Raġuni Seminali (logos spermatikos) tal-Univers."[15] Peress li r-raġuni korretta hi l-pedament kemm tal-umanità kif ukoll tal-univers, jirriżulta li l-għan tal-ħajja hu li wieħed jgħixa skont ir-Raġuni, ċioè, li wieħed jgħix ħajtu skont in-Natura.
L-Istojċi tal-antik huma ħafna drabi mifhumin ħażin għaliex it-termini li kienu jużaw kienu parti minn kunċetti differenti minn dawk tal-lum. Il-kelma 'stojku' llum tfisser 'bla emozzjonijiet' jew indifferenti għall-uġiegħ, għaliex l-etika Stojka tgħallem il-ħelsien mill-'passjoni' permezz tar-'raġuni'. L-Istojċi ma fittxewx li jitfu l-emozzjonijiet; pjuttost, fittxew li jittrasformaw ruħhom permezz t' 'askēsis' li jħalli 'l persuna trawwem ġudizzju ċar u kalma ġewwiena.[16] Il-Loġika, ir-riflessjoni, u l-konċentrazzjoni kienu l-metodi li jwasslu għal din l-awto-dixxiplina.
B'self miċ-Ċiniċi, il-pedament tal-etika Stojka hu li t-tajjeb jinsab fl-istat tar-ruħ infisha; fl-għerf u fl-awto-kontroll. L-etika Stojka emfażizzat ir-regola: "Imxi fejn tieħdok ir-raġuni." Allura, wieħed għandu jagħmel ħiltu biex jinħeles mill-passjonijiet, waqt li jżomm f'moħħu li t-tifsira antika ta' 'passjoni' kienet "dieqa" jew "tbatija",[17] jiġifieri, li wieħed jirreaġixxi "passivament" għal avvenimenti esterni — kemmxejn differenti mill-użu modern tal-kelma. Kienet issir distinzjoni bejn παθος (pathos) (plural: pathe) li normalment tiġi tradotta għal passjoni, propathos jew reazzjoni istintiva (eż., li wieħed jibjad meta jiffaċċja periklu fiżiku) u eupathos, li hi l-marka tal-għaref Stojku (sophos). L-eupatheia huma sentimenti li jirriżultaw minn ġudizzju tajjeb, bl-istess mod li l-passjonijiet huma riżultat ta' ġudizzji ħżiena.
L-idea kienet li wieħed jinħeles mit-tbatija permezz tal-apatheia (Grieg: ἀπάθεια}}) jew paċi mentali (litteralment,'bla passjoni'),[18] fejn paċi mentali kienet mifhuma fis-sens antik - li wieħed ikun oġġettiv jew li jkollu "ġudizzju ċar" u li jżomm rasu fuq għonqu meta jiffaċċja t-tlugħ u l-inżul tal-ħajja.
Għall-Istojċi, ir-'raġuni' fissret mhux biss l-użu tal-loġika, imma wkoll li wieħed jifhem il-proċess tan-natura - il-logos, jew ir-raġuni universali, inerenti fl-affarijiet kollha. Li wieħed jgħix skont ir-raġuni u l-virtù, huma kienu jsostnu, ifisser li wieħed jgħix f'armonija mal-ordni divin tal-univers, f'għarfien tar-raġuni komuni u l-valur essenzjali tal-bnedmin kollha. L-erba' virtujiet kardinali tal-filosofija Stojka huma l-għerf (Sophia), il-kuraġġ (Andreia), il-ġustizzja (Dikaiosyne), u t-temperanza (Sophrosyne), klassifikazzjoni derivata mit-tagħlim ta' Platun.
Ispirati minn Sokrate, l-Istojċi kienu jsostnu li d-dieqa u l-ħażen huma riżultat tal-injuranza tal-bniedem fejn tidħol ir-raġuni fin-natura. Meta wieħed ikun kattiv, ikun hekk għaliex ma jkunx konxju mir-raġuni universali tiegħu stess, li twassal għall-ġentilezza. Is-soluzzjoni għall-ħażen u d-dieq allura hi l-prattika tal-filosofija Stojka - li wieħed jeżamina l-ġudizzji u l-attitudni tiegħu stess u jiddetermina fejn dawn jitbiegħdu mir-raġuni universali tan-natura.
L-Istojċi kienu jaċċettaw li għaref jagħmel suwiċidju, f'ċirkostanzi li jistgħu ma jħalluhx jgħix ħajja virtwuża.[19] Plutarku sostna li kieku Kato aċċetta li jgħix taħt tirannija, allura kien ikun qed jikkomprometti l-awto-konsistenza (constantia) bħala Stojku u kien jitlef mil-libertà li jagħmel għażliet morali onorevoli.[20] Is-suwiċidju jista' jiġi ġustifikat jekk wieħed jaqa' vittma ta' uġiegħ jew mard serju; [19] jekk mhux għal dawn, is-suwiċidju jiġi kkunsidrat bħala ċ-ċaħda tad-dmir soċjali li wieħed għandu.[21]
F'termini filosofiċi, affarijiet li huma indifferenti ma jaqgħux taħt it-tħaddim tal-liġi morali, jiġifieri m'għandhomx it-tendenza li jew jippromwovu, jew itellfu, għan morali. Azzjonijiet li la huma meħtieġa u l-anqas ipprojbiti mil-liġi morali, jew li ma jaffettwawx il-moralità, jissejħu moralment indifferenti. Id-duttrina tal-affarijiet indifferenti (ἀδιάφορα, adjafora) kellha l-bidu taggħa fl-iskola Stojka bħala konsegwenza tal-oppożizzjoni dijametrika tagħha tal-virtù u l-vizzju. B'riżultat ta' din id-dikotomija, numru kbir ta' oġġetti tħallew bla ma ġew assenjati u allura tqiesu indifferenti.
Eventwalment, ġew żviluppati tliet sub-klassijiet t'"affarijiet indifferenti":
Il-prinċipju ta' adjafora kien anke komuni maċ-Ċiniċi u x-Xettiċi. It-tfassil tal-affarijiet indifferenti, skont Kant, imur lil hinn mill-morali. Id-duttrina tal-affarijiet indifferenti reġgħet tqajmet fir-Rinaxximent minn Philip Melanchthon.
Il-filosofija, għall-Istojku, m'hijiex biss ġabra ta' twemmin jew tisħiq etiku, iżda mod ta' ħajja li jinvolvi prattika kostanti u taħriġ (jew askesis, ara Axetiċiżmu). Il-prattiċi filosofiċi u spiritwali Stojċi kienu jinkludu l-Loġika, id-djalogu Sokratiku u l-awto-djalogu, il-kontemplazzjoni dwar il-mewt, it-taħriġ tal-attenzjoni biex tibqa' fil-mument preżenti (simili għal xi forom ta' meidtazzjoni fil-Lvant), rifflessjoni ta' kuljum dwar problemi ta' kuljum u s-soluzzjoni possibbli, hypomnemata, eċċ. Il-filosofija għall-Istojku hi proċess attiv ta' prattika u tifkir kontinwu.
Fil-Meditazzjonijiet tiegħu, Marku Awrelju fisser numru ta' prattiċi ta' dan it-tip. Pereżempju fl-ewwel parti tat-tieni ktieb jikteb:
Kull għodwa tenn lilek innifsek: illum ser niltaqa' ma nies ingrati, vjolenti, tradituri, għajjurin, egoisti. Dawn huma hekk minħabba nuqqas t'għarfien ta' x'inhu verament tajjeb u ħażin... la jista' ħadd minnhom iweġġani, għaliex ħadd m'hu ħa jdaħħalni fil-ħażen, u l-anqas ma nista' ninkorla ma' sħabi jew nobgħodhom; għaliex aħna ġejna fid-dinja biex naħdmu filmkien...
Qabel Awrelju, Epittetu fid-"Diskorsi" iddintingwa bejn tliet topoi: il-ġudizzju, ix-xewqa u l-inklinazzjoni.[22] Skont il-filosfu Franċiż Pierre Hadot, Epittetu jidentifika dawk it-tliet atti mal-loġika, il-fiżika u l-etika rispettivament.[23] Hadotjikteb li fil-Meditazzjonijiet "kull massima tiżviluppa waħda minn dawn it-topoi karatteristiċi, jew tnejn minnhom, jew tlieta."[24]
Il-prattiċi t'eżerċizzi spiritwali ġew deskritti minn Seamus Mac Suibhne bħala influwenti fuq dawk li jipprattikaw ir-riflessjoni.[25] Similaritajiet bejn l-eżerċizzji spiritwali Stojċi u t-terapija tal-imġieba konjittiva kienu deskritti fit-tul f'The Philosophy of Cognitive-Behavioural Therapy ta' Robertson.[26]
Karatteristika distinta tal-Istojċiżmu hu l-kożmopolitaniżmu tagħha: Il-bnedmin kollha huma manifestazzjonijiet tal-ispirtu waħdieni tal-univers u jridu jgħixu f'imħabba fraterna u jkunu lesti jgħidu lil xulxin. Fid-Diskorsi tiegħu, Epittetu jikkummenta dwar ir-relazzjoni tal-bniedem mad-dinja u jgħid li "kull bniedem huwa l-ewwel u qabel kollox ċittadin tal-unità tiegħu stess; iżda huwa wkoll ċittadin ta' belt kbira ta' allat u bnedmin oħra, u li l-politika tagħha hi kopja ta' dik tiegħu."[27] Dan is-sentiment jirrifletti dak ta' Djoġene ta' Sinope, li qal, "Jien la jien ċittadin ta' Ateni u l-anqas ta' Korintja, iżda ċittadin tad-dinja."[28]
L-Istojċi kienu jsostnu li d-differenzi esterni, bħall-grad u l-flus, m'huma t'ebda importanza f'relazzjonijiet soċjali, għall-kuntrarju ta' fraternità bejn l-umanità u ugwaljanza bejn il-bnedmin kollha.
Punt ieħor partikolari kienet il-ħeġġa għall-ħniena lejn l-iskjavi. Seneka kien iħeġġeġ, "Ftakar li dak li inti ssejjaħ l-iskjav tiegħek ħareġ mill-istess zokk, huwa mżiegħel mill-istess sema tiegħek, u bl-istess mod tiegħek jieħu n-nifs, jgħix, u jmut."[29]
L-ikbar differenza bejn iż-żewġ filosofiji hu l-panteiżmu tal-Istojċiżmu, fejn Alla qatt m'hu kompletament tranxendenti imma dejjem immanenti. Alla bħala entita ħallieqa huwa personalizzat fil-ħsieb Nisrani, iżda l-Istojċiżmu jwaħħad lil Alla mas-sħuħija tal-univers; l-idea stojka li l-kewn kollu huwa korporju kienet fundamentalment kuntrarja għall-Kristjaneżmu. Barra minn hekk, l-Istojċiżmu, bil-maqlub tal-Kristjaneżmu, ma jistipula la bidu u l-anqas għall-univers, u l-anqas ma jsostni li l-individwu jibqa' ħaj wara l-mewt.[30]
Aktar tard, l-Istojċiżmu kien meqjus mid-Dutturi tal-Knisja bħala 'filosofija pagana',[3] iżda minkejja dan, uħud mill-kunċetti filosofiċi ewlenin tal-Istojċiżmu kienu użati minn kittieba bikrin Insara. Xi eżempji: "logos", "virtù", "Spirtu", u "kuxjenza".[30] Iżda x-xebħ imur lil hinn mit-terminoloġija komuni. Kemm l-Istojċiżmu kif ukoll il-Kristjaneżmu jsostnu ħelsien ġewwieni meta ffaċċati bid-dinja esterna, twemmin fi fratellanza bejn il-bniedem u n-Natura (jew Alla, imsejjaħ pneuma mill-Istojċi), u sens ta' ħżunija ġewwiena -- jew "ħażen persistenti" -- fil-bniedem[30] kif ukoll il-futilità u t-temporanjetà tal-passjonijiet u l-attakkamenti materjali. It-tnejn inkoraġġew Ascesis tal-passjoni u l-emozzjonijiet inferjuri (bħar-regħba, l-għira u r-rabja) sabiex il-possibilitajiet iktar għoljin tal-umanità ta' dak li jkun ikunu jistgħu jitqajmu u jiġu żviluppati.
Kitbiet Stojċi bħall-Meditazzjonijiet ta' Marku Awrelju intlaqgħu tajjeb ferm minn ħafna Nsara tul is-sekli. L-ideal Stojku tal-apatija huwa aċċettat sal-ġurnata tal-lum bħala l-istat morali perfett mill-Knisja Ortodossa. San Ambroġu ta' Milan kien magħruf għall-użu ta' filosofija Stojka fit-teoloġija tiegħu.
Il-kelma "stojku" spiss tfisser xi ħadd indifferenti għall-uġiegħ, għall-pjaċir, għan-niket, jew għall-ferħ. L-użu modern għal "persuni li ma jurux x'qed iħossu u li jsofru bil-paċenzja" kien użat għall-ewwel darba bħala nom fl-1579, u fl-1596 bħala aġġettiv.[31] B'kuntrast mat-terminu "epikurju", l-artiklu fl-iStanford Encyclopedia of Philosophy's jgħid li "s-sens tal-aġġettiv Ingliż 'stoical' m'huwhiex kompletament qarrieqi dwar l-oriġini filosofiċi tiegħu".[1]
Dawn huma xi kwotazzjonijiet minn filosfi Stojċi ewlenin, magħżulin biex juru twemmin komuni tal-Istojċi:
Epittetu:
Marku Awrelju:
Seneka ż-Żgħir:
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.