Klara ta' Assisi
From Wikipedia, the free encyclopedia
From Wikipedia, the free encyclopedia
Santa Klara jew Kjara (Assisi, 1193 - Assisi, 11 ta' Awwissu, 1253), kienet soru Taljana li flimkien ma' San Franġisk ta' Assisi waqqfet is-Sorijiet Klarissi li llum ilaħħqu mal-20,000 imxerrdin mad-dinja.
Santa Kjara ta' Assisi | |
---|---|
Santa Klara u stejjer minn ħajjitha, pittura tas-seklu XIII minn Umbrijan anonimu | |
Twelid |
1193 Assisi |
Mewt |
11 ta' Awwissu 1253 |
Kanonizzazzjoni | 1255 |
L-ikbar santwarju | Basilka ta' Santa Klara f'Assisi |
Festa | 11 ta' Awwissu |
Attributi | ġilju, ostja |
Patrun/a | televiżjoni, telekomunikazzjoni. |
Klara twieldet f'familja nobbli, bint il-kavallier Favarone di Offreduccio. Ommha is-Sinjura Ortolana kienet mara ta' fidi kbira li nisslet fiha mħabba lejn il-foqra u lejn it-talb.
Meta kellha 18-il sena, missierha u ommha riedu jżewġuha lil xi kavallier iżda hi ma riditx. Kienet semgħet bi Franġisku u l-ħajja ġdida ta' faqar li kien jgħix. Fost iż-żgħażagħ li ngħaqdu miegħu kien hemm kuġinuwha, Rufinu. Klara bdiet tiltaqa' ma' San Franġisk flimkien mal-ħabiba tal-familja, Bona di Guelfuccio. Dan beda juriha kemm hi ħaġa sabiħa li wieħed jikkonsagra lilu nnifsu lil Alla. Dan il-kliem kien jimlieha b'ferħ kbir, u ddeċidiet li bħalu tqassam ġidha lill-foqra, tinża' minn kollox sabiex tilbes lil Kristu u tgħix il-Vanġelu.
Fuq il-parir ta' Franġisku, Klara ħarbet mid-dar f'Ħadd il-Palm tas-sena 1211 u marret fil-Knisja tal-Porzjunkola fejn Frangisku u sħabu kienu jistennewha bit-torċi f'idejhom. Hemm f’riġlejn l-altar tal-Madonna ikkonsagrat ruħha lil Alla u wara li Frangisku qatgħelha xagħarha, libbisha ċoqqa bħal tiegħu forma ta' salib. Billi San Frangisk kien jaf bit-tempesta li kienu se jqajmu l-familja tagħha xħin isiru jafu bil-ħarba ta' Klara, ħadha għand is-Sorijiet Benedittini f'Bastia, qrib Assisi. Meta qrabatha marru għaliha, Klara qabdet mal-altar, neħħiet il-velu u uriethom xagħarha maqtugħ, sinjal tal-konsagrazzjoni u l-offerta lil Alla. Meta raw li kollox kien ta' xejn ħallewha.
Franġisku sabilha monasteru ieħor, dak ta' Sant'Angelo di Panzo fis-Subasio. Hemm ingħaqdet ukoll magħha oħtha, Katerina. Wara xi żmien, Franġisku ħa liż-żewġ aħwa fil-post li hu stess ħejja għalihom, il-monasteru ta' San Damjan. Tfajliet oħra malajr ingħaqdu magħhom u hekk iffurmaw l-ewwel nukleu tas-Sorijiet Foqra li iktar 'il quddiem bdew jissejħu Sorijiet Klarissi mill-isem ta' Klara.
Profezija li San Franġisk kien għamel fuq Klara u sħabha kienet meta kollu ferħan kien qed isewwi l-Knisja ta' San Damjan u tela' fuq il-ħajt u għajjat: "Ejjew għinuni nibni l-monasteru ta' San Damjan, għaliex għad jiġu joqogħdu fih nisa li bil-fama u l-ħajja qaddisa tagħhom għad jagħtu glorja lill-Missier tagħna tas-sema fil-knisja mqaddsa kollha tiegħu." (Testment 13-14)
Għal Santa Klara li tgħix bla xejn tagħha kien bżonn kbir sabiex tħossha solidali mal-umanità fqira tal-Iben t'Alla imneżża' min kollox fuq is-salib. Sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-faqar, talbet u kisbet mill-Papa Innoċenz III, il-"Privileġġ tal-Faqar" fl-1216, li kien jiddistingwi l-Ordni tas-Sorijiet Foqra mill-monakiżmu tradizzjonali. II-Papa Girgor IX ried iħollha minn din it-rabta iżda bl-akbar rispett weġbitu: "Santità, ma nixtieq qatt li nkun meħlusa milli nimxi wara Kristu"
Bi nhar u bil-lejl Klara kienet titlob quddiem it-Tabernaklu, tikkontempla lil Ġesù fl-Ewkaristija, timmedita fuq il-faqar u ċ-ċokon tat-tarbija ta' Betlem imgeżwer fi ftit ħrieqi u kienet ukoll devota tal-Passjoni ta' Kristu u tal-Madonna.
Meta fl-1240, it-truppi Misilmin mikrija mill-Imperatur Federiku II tal-Isvevja assedjaw Assisi u kienu se jattakkaw il-kunvent ta' San Damjan, Klara talbet lil Ġesù Ewkaristija: "Mulej, ħares il-qaddejja tiegħek li Int fdejt bid-Demm għażiż tiegħek”. It-tradizzjoni tgħid li semgħet leħen bħal ta' tfajjel li weġibha: "Jien dejjem nieħu ħsiebkom." "Ħares Mulej ukoll din il-belt", kompliet titlob Klara, filwaqt li qabdet l-ostensorju, u esponietu fit-tieqa. Dawl jgħammex beżża' lill-Misilmin li ħarbu minn hemm u minn Assisi.
Mit-tnejn u erbgħin sena li Santa Klara għexet f'San Damjan, disgħa u għoxrin sena minnhom qattgħethom marida fost il-provi kollha li kellha tgħaddi minnhom, fosthom biex tiddefendi r-Regola tagħha li ġiet approvata biss lejlet il-mewt tagħha, fl-età ta' sittin sena. Sentejn biss wara mewtha, Papa Alessandru IV f'Anagni iddikjaraha qaddisa fil-15 t'Awwissu 1255.
Nhar is-17 ta' Frar 1958 Papa Piju XII iddikjaraha qaddisa patruna tat-televixin u tat-telekomunikazzjoni. Dan għax darba, skond it-tradizzjoni, Klara ħabba l-mard ma setgħetx tkun preżenti għall-Quddiesa tal-Milied u Alla ppermetta li jkollha viżjoni taċ-ċelebrazzjoni. Hija ukoll Patruna tal-Brownies jew Girl Guides.
Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': San Kjara |
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.