From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Għaqda tal-Malti – Università twaqqfet bil-ħidma ta’ żewġ studenti tal-Mediċina, Rużar Briffa u Ġużè Bonnici fis-26 ta’ Jannar 1931 li bdew joħorġu l-Leħen il-Malti fl-istess sena. Matul is-snin mexxew l-Għaqda l-Prof. Pietru Pawl Saydon, il-Prof. Ġużè Aquilina, il-Prof. Dun Karm Sant u l-Prof. Oliver Friggieri.
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Fl-1988 it-tmexxija għaddiet f’idejn l-istudenti u fost il-ħidma li twettqet matul is-snin insibu l-ewwel Kungress Letterarju Malti (1993), it-twaqqif tal-mafkar lill-Poeta Nazzjonali fil-Furjana (2000), inħawi fl-Università msemmija għall-kittieba Maltin magħrufa (Sala Pietru Pawl Saydon, Sala Temi Zammit, Sala Erin Serracino Inglott, Pjazzetta Dun Karm u l-Atriju Vassalli), korsijiet speċjalizzati, tnedijiet ta’ kotba, il-pubblikazzjoni tas-Sensiela Vassalli u l-organizzazzjoni tal-konferenzi f’ġieħ Dun Karm u Mikiel Anton Vassalli.
Dawn huma l-għanijiet ewlenin tal-Għaqda:
ittrAħbar (ċirkulari 2006-2017);
____________________
Nhar il-21 ta’ Novembru 2005 saret Laqgħa Ġenerali Straordinarja li għaliha attendew għadd ta’ studenti universitarji b’ħeġġa u determinazzjoni li l-Malti jarawh jikber, jisseddaq u jieħu postu fl-oqsma kollha fil-ħajja Maltija. U bir-raġun, għax il-Malti għadu mhux ilsien nazzjonali kif xieraq li jkun, minkejja l-libsa uffiċjali li għandu fil-Kostituzzjoni tagħna u minkejja l-għarfien li kiseb mill-Unjoni Ewropea.
Ftit xhur wara, fis-26 ta’ Jannar 2006 l-Għaqda għalqet 75 sena mit-twaqqif tagħha. F’dik l-istess sena ħabat għeluq iċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Rużar Briffa, il-ko-fundatur tagħna, u bl-inizjattiva tal-Għaqda l-Maltapost ħarġet timbru postali fis-16 ta’ Jannar, jum twelidu. Jum qabel, l-Għaqda organizzat korteo fiċ-ċimiterju tal-Addolorata sa fuq qabru u ftit ġimgħat wara, nhar it-22 ta’ Frar 2006 – jum mewtu – lill-poeta kkommemorajnieh b’serata organizzata bejn l-Għaqda u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol fis-Sala Robert Samut, il-Furjana.
Fl-1 ta’ Marzu 2006 saret Laqgħa Ġenerali Straordinarja oħra din id-darba biex l-istatut jingħata bixra aħjar u aktar xierqa għal żminijietna. Fost oħrajn, l-Għaqda żżejnet b’emblema ġdida.
Ħidma importanti ħafna li saret mill-kumitat kienet il-bini ta’ websajt ġdida, aċċessibbli u tassew vetrina għal kull min irid jikseb tagħrif fuq l-Għaqda u l-Malti. Il-websajt tagħna llum iżuruha numru kbir ta’ studenti li jkunu qed jirriċerkaw xi qasam jew ieħor tal-Malti. Bdejna noħorġu ċirkulari ġdida, din id-darba elettronika, bl-isem ittrAħbar biex inżommu lill-membri tagħna (u anke dawk li mhumiex imsieħba magħna) aġġornati bl-attivitajiet tal-Għaqda.
F’Marzu u April organizzajna t-taħditiet fis-sensiela Il-Kotra u Jien. F’dawn it-taħditiet ħadu sehem uħud mill-aqwa esponenti tal-letteratura tagħna: Rev. Prof. Peter Serracino Inglott, Prof. Joe Friggieri, Prof. Joseph M. Brincat, Dr Marco Galea, Dr Charles Briffa, Dr Rena Balzan, Frans Sammut, Achille Mizzi, Vincent Vella, Maria Grech Ganado, Alfred Buttigieg u Ġużè Stagno.
Nhar is-Sibt 27 ta’ Mejju 2006 l-Għaqda tal-Malti nidiet il-ktieb Frans Sammut Dwar The Da Vinci Code fir-Radisson Baypoint Resort bis-sehem tal-Professur Peter Serracino Inglott, Dun Norbert Ellul-Vincenti u s-Sur Charles Flores. L-Għaqda nidiet ktieb ieħor nhar l-20 ta’ Novembru 2006 – il-ktieb bil-poeżiji miġbura ta’ Sir George Borg, Viator Errans, tnedija li saret bi sħab mal-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Poeti Maltin. It-tnedija, patronizzata mir-Rettur tal-Università saret fil-Bibljoteka tal-Università, Tal-Qroqq.
Fis-27 ta’ Ottubru 2006 inżamm l-appuntament ma’ attività importanti li ssir kull sentejn: il-Konferenza Vassalli, din id-darba b’sejbiet ġodda fuq Missier l-Ilsien Malti mill-istoriku Karmenu Bonavia bis-sehem ta’ Merga u l-Gukulari Ensemble. Jumejn wara ħadna sehem fiċ-ċerimonja ta’ Jum Dun Karm li saret fid-29 ta’ Ottubru biswit il-mafkar fil-Furjana.
L-appuntament tagħna fil-Fiera tal-Ktieb tal-2006 kien mill-ġdid marbut ma’ Mikiel Anton Vassalli bil-ktieb ta’ Frans Sammut Għajdun il-Għaqal, Kliem il-Għerf u Qwiel Maltin – it-traduzzjoni tal-Motti, Aforisimi e Proverbii Maltesi (1828). Dan sar fis-17 ta’ Novembru 2006 bis-sehem tal-Prim Imħallef Emeritus Prof. Giuseppe Mifsud Bonnici u Prof. Manwel Mifsud flimkien mat-traduttur.
Matul is-sena 2006 tajna sehemna wkoll fil-ħruġ tas-CD ta’ Walter Micallef, fil-Mafkar ta’ Karmenu Vassallo u Patri Ġużè Delia u Thomas Pace ħa ħsieb il-verżjoni Maltija tal-websajt tal-Kunsill Studenti Università (KSU). Ħadna sehem ukoll fil-funeral ta’ Ġużè Chetcuti, benefattur tal-Għaqda tagħna u ħabib intimu tal-kofundatur tagħna, Ġużè Bonnici.
F’għadd 31 ta’ Leħen il-Malti, jidher id-diskors ta’ Marcel Zammit Marmarà li nstema’ dakinhar tal-kxif tal-mafkar f’ġieħ Karmenu Vassallo u ppubblikajna wkoll l-omelija ta’ Mons. Victor Grech fil-funeral ta’ Ġużè Chetcuti. Minn din il-ħarġa ħsibna li nagħtu libsa ġdida lir-rivista u l-kitbiet ikunu magħżula f’żewġ taqsimiet: kitbiet letterarji u kitbiet akkademiċi. Din il-ħarġa tiċċelebra ċ-ċentinarji li semmejna b’taħdita li saret mill-Prof. John Rizzo Naudi dwar il-karriera medika ta’ Rużar Briffa nhar it-22 ta’ Frar 2006 u l-istudju ta’ Dr Charles Briffa fuq Lejn ix-Xemx, l-aħħar rumanz li kiteb Ġużè Bonnici. Il-qarrejja jsibu wkoll kitba interessanti fuq Ġużeppi Pulis Montebello li flimkien ma’ Franġisku Vella tana l-ewwel żewġ kotba kompletament bil-Malti. F’dawn il-folji hemm ukoll il-ġenesi tar-rumanz It-Tfal Jiġu bil-Vapuri mill-awtur stess. Prof. Oliver Friggieri jaqsam magħna x’wasslu jikteb rumanz li fil-wiċċ jidher sempliċi iżda fil-fatt jixtarr temi mill-aktar eżistenzjali.
It-taqsima letterarja tiftaħ b’dawk li nemmnu li huma l-aħħar poeżiji li baqgħu mxerrdin ta’ Dun Karm, fosthom bl-Ingliż u aktarx l-unika poeżija tiegħu bl-Esperanto. Dawn jikkumplimentaw l-aħħar pubblikazzjoni tal-Prof. Oliver Friggieri b’rabta mal-poeta nazzjonali – il-ġabra sħiħa ta’ poeżiji bit-Taljan, Dun Karm – Le Poesie Italiane (2007). Ix-xogħlijiet l-oħra li qed nippreżentaw huma xhieda ta’ kontinwità minn ġenerazzjonijiet differenti.
Fil-bidu tas-sena 2007 bdejna naħdmu għall-kommemorazzjoni ta’ Ġużè Bonnici f’għeluq il-100 sena minn twelidu. It-tifkira tal-ko-fundatur tagħna bdiet sewwasew fl-14 ta’ Awwissu 2007 meta l-Bureau Filateliku tal-Maltapost ħareġ it-timbru postali f’ġieħu f’jum twelidu fuq inizjattiva kollha kemm hi tagħna. Ħsibna wkoll biex niġbru n-novelli kollha ta’ Ġużè Bonnici li kienu baqgħu mxerrdin u nippubblikawhom mill-ġdid fi ktieb. Inġabru l-fondi meħtieġa u wara xhur sħaħ ta’ ħidma bla waqfien, riċerka u konsultazzjoni saret it-tnedija tal-ktieb fit-18 ta’ Novembru 2007 fil-Fiera tal-Ktieb, f’Dar il-Mediterran taħt il-patroċinju tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. Dan il-ktieb jinkludi wkoll studju tal-Prof. Oliver Friggieri u għall-ewwel darba dehret Il-Miġnuna – it-traduzzjoni tan-novella La Pazza, maqluba għall-Malti minn Dott. Mark A. Sammut.
L-Għaqda għamlet żjara ta’ kortesija lill-President Emeritus, Sir Anthony Mamo li jinsab rikoverat f’Dar l-Arkati, Il-Mosta. Din saret fis-26 ta’ Jannar 2007, f’jum it-twaqqif tal-Għaqda u fiha Sir Anthony Mamo għoġbu jaqsam magħna l-esperjenzi tiegħu fl-ewwel kumitat ma’ Ġużè Bonnici u Rużar Briffa li flimkien ma’ sħabhom waqqfu l-Għaqda tagħna 76 sena ilu.
Ħafna mill-informazzjoni ġiet miġbura minn Joseph P. Borg 03.06.2012
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.