Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-Tramuntana tal-Indja From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Istat ta' Rajasthan fil-Majjistral tal-Indja fih iżjed minn mitt fortifikazzjoni fl-għoljiet u fiż-żoni muntanjużi tiegħu. Sitt Fortijiet fl-Għoljiet ta' Rajasthan, mifruxa madwar l-istat ta' Rajasthan fit-Tramuntana tal-Indja, ġew raggruppati bħala sensiela u tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Is-sit inizjalment tressaq bħala sensiela ta' ħames fortijiet tar-Rajput fl-għoljiet u ż-żona muntanjuża ta' Aravalli, u nbnew u ssaħħew bejn is-sekli 5 u 18 W.K.[2] minn diversi rejiet Rajput ta' renji differenti. Lejn l-aħħar tal-proċess tan-nominazzjoni, fis-sensiela żdied il-Forti ta' Jaisalmer. Is-sitt fortijiet huma:[1]
Uħud minn dawn il-fortijiet għandhom swar u fortifikazzjonijiet difensivi li jwasslu sa tul ta' 20 kilometru, b'ċentri urbani li għadhom eżistenti u b'mekkaniżmu tal-ħżin tal-ilma li għadu jintuża.
L-Indja ddeċidiet li tagħżel sensiela ta' fortijiet fl-għoljiet ta' Rajasthan u tinnominahom bħala Sit Indikattiv sabiex tixħet dawl fuq il-kultura u l-arkitettura tal-fortijiet fl-għoljiet tar-Rajput.
L-istat ta' Rajasthan ippreżenta ħarsa ġenerali lejn il-proċess tal-għażla tal-komponenti tas-sensiela kif ukoll il-kriterji tal-għażla. Dawn il-kriterji kienu jsegwu erba' punti ewlenin: il-fortijiet ġew adattati għall-ġeografija tal-għoljiet, il-fortifikazzjonijiet kienu ċentri tal-poter, kienu jinkludu artijiet sagri, u l-fortijiet ġew iddisinjati b'insedjamenti urbani.
Ir-Rajput żammew ma' testi arkitettoniċi li kkaratterizzaw tipoloġiji differenti ta' fortifikazzjonijiet ibbażati fuq il-ġeografija tagħhom. L-iżjed referenzi letterarji bikrin jaqsmu l-fortijiet f'erba' tipi; fortijiet fl-għoljiet, fortijiet bl-ilma, fortijiet fil-foresti, u fortijiet fid-deżert. Is-sensiela li ġiet innominata ffukat biss fuq il-fortijiet fl-għoljiet ta' Rajasthan u b'hekk ġew esklużi bosta fortijiet oħra, pereżempju l-Forti ta' Mehrangarh, li għalkemm jinsab fl-għoljiet ta' Rajasthan, kien ċittadella ffortifikata għall-qorti li ma kellhiex insedjament urban għan-nies ċivili.
Inizjalment tħejjiet lista tal-Fortijiet ta' Rajasthan li kienet tinkludi l-fortijiet kollha rreġistrati mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (bl-Ingliż: Archaeological Survey of India). Mill-mijiet ta' fortifikazzjonijiet, ġew eżaminati iktar fid-dettall 54 forti peress li kellhom karatteristiċi integrali komuni tal-arkitettura militari tar-Rajput. L-Indja, bħala Membru fil-UNESCO, spjegat kif minn din il-lista inizjali, intgħażel grupp iżgħar ta' 24 forti li kienu l-iżjed sinifikanti ta' Rajasthan u li kollha kellhom aspetti komuni tal-fortifikazzjonijiet tar-Rajput. F'qasir żmien, il-lista tnaqqset għal 13-il forti. Mill-ġdid, minn dik il-lista inizjalment intgħażlu ħames fortijiet, kollha kemm huma fl-għoljiet u fiż-żona muntanjuża ta' Aravalli, u b'sjieda minn klans differenti. Iktar 'il quddiem żdied is-sitt forti, il-Forti ta' Jaisalmer.
Il-Fortijiet fl-Għoljiet ta' Rajasthan ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2013.[1]
Il-valur universali straordinarju tagħhom ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.