Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Korea t'Isfel From Wikipedia, the free encyclopedia
Iż-Żoni Storiċi ta' Baekje huma grupp ta' monumenti li jinsabu fi tliet bliet tal-Korea t'Isfel: Gongju, Buyeo, u Iksan. Joriġinaw mill-aħħar perjodu tar-Renju ta' Baekje, li jirrappreżenta l-perjodu mill-475 sas-660 W.K., li kien wieħed mit-tliet renji li tkattru mit-18 Q.K. sas-660 W.K. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015[1] u huwa magħmul minn tmien siti arkeoloġiċi. Dawn huma: il-Fortizza ta' Gongsanseong (공주 공산성) u l-oqbra rjali ta' Songsan-ri, b'rabta mal-belt kapitali tal-qedem ta' Ungjin, issa magħrufa bħala Gongju; il-Fortizza ta' Busosanseong (부소산성) u l-binjiet amministrattivi ta' Gwanbuk-ri, it-Tempju ta' Jeongnimsa, l-oqbra rjali ta' Neungsan-ri u s-swar tal-belt ta' Naseong f'Sabi, issa magħrufa bħala Buyeo; u l-Palazz ta' Wanggung-ri u t-Tempju ta' Mireuksa f'Iksan, reġjun kapitali sussidjarju ta' Sabi.
Iż-Żoni Storiċi ta' Baekje jinsabu fir-reġjun bl-għoljiet tal-Punent ċentrali tal-Korea t'Isfel, fl-Iksansi Buyeogun f'Jeollabukdo, u f'Gongju-si f'Chungcheongnam-do.
Fir-Renju ta' Baekje, renju antik tal-Korea t'Isfel li tkattar għal 678 sena mit-18 Q.K. sas-660 W.K., l-interazzjoni mal-pajjiżi tal-Lvant tal-Asja ppermettiet l-iżvilupp tal-kultura unika tiegħu stess, li tvarja minn dawk taż-żewġ renji ġirien ta' Goguryeo u ta' Silla. Ir-Renju ta' Baekje kien ġie stabbilit f'żona żgħira tax-xtut tax-xmara Hangang, li llum il-ġurnata hija Seoul (Hanseong), fit-18 Q.K., bil-migrazzjoni tal-popolazzjoni minn Goguryeo, u matul is-snin il-belt tkabbret lejn il-parti tal-Lbiċ tal-pajjiż u saret famuża kulturalment u ekonomikament. Eventwalment faqqgħu l-gwerer bejn it-tliet renji, u fil-battalja Goguryeo rebħet u okkupat lil Baekje, il-belt kapitali tar-Renju ta' Baekje. Baekje mbagħad rilokat minn Hanseong għal Ungjin, fejn kienet inbniet il-Fortizza ta' Gongsanseong fl-475 W.K., u stabbilietha bħala l-kapitali tagħha. Din ir-rilokazzjoni ffaċilitat it-twaqqif tal-istat ta' Baekje li nibtet mill-kultura u mill-arkitettura Ċiniża b'rabta mal-ippjanar tal-belt, b'rabta wkoll mal-Buddiżmu. Baekje ttrażmettiet ukoll il-valuri kulturali u reliġjużi lill-Ġappun, u Ungjin (mibnija fiċ-ċentru tax-xmara Geumgang bl-għamla ta' djamant, 130 kilometru (81 mil) lejn il-Lvant ta' Seoul), saret influwenza setgħana fil-Lvant tal-Asja.
Madankollu, kien hemm ċaqliq ieħor tal-kapitali lejn Sabi, u ġie stabbilit renju setgħan f'Buyeo fil-538 W.K. Din ir-rilokazzjoni kienet meħtieġa għal raġunijiet kummerċjali, peress li l-belt kapitali prinċipali ma kellhiex dan il-vantaġġ. Hawnhekk il-belt ġiet żviluppata b'palazz irjali, fortijiet, oqbra rjali, u s-sigurtà ta' swar. Matul ir-reġim tal-perjodu ta' Sabi ((538-660 W.K.), ir-Re Seong ċaqlaq il-belt kapitali lejn Buyeo fil-538. Iksan ġiet stabbilita bħala t-tieni kapitali għal skopijiet amministrattivi. Fis-660 W.K., Baekje ġarrbet telfa kontra Silla, li kienet allinjat mad-dinastija Tang taċ-Ċina.
Il-Buddiżmu wasal f'Baekje miċ-Ċina għall-ewwel darba fl-aħħar tas-seklu 4. Fis-seklu 6, Gyeomik, patri Buddist ta' Baekje, mar l-Indja biex jitgħallem iktar dwar il-Buddiżmu u ġab lura miegħu l-iskritturi, li ġew tradotti għal-lingwa lokali. Il-filosofija Buddista nfirxet b'mod wiesa' fost is-setturi kollha tas-soċjetà, u l-mexxej ikkunsidra lilu nnifsu bħala Buddha biex jeżerċita l-kontroll irjali fuq is-sudditi tiegħu. Matul dan il-perjodu nbnew ħafna tempji u pagodi Buddisti kbar f'Baekje. Dan ippermetta wkoll interazzjoni mill-qrib maċ-Ċina u mal-Ġappun, mhux biss fl-oqsma tar-reliġjon u tal-filosofija, iżda anke fil-kostruzzjoni tat-tempji f'dawn il-pajjiżi matul is-sekli 5 sa 7. Dan il-perjodu wassal ukoll biex il-Lvant tal-Asja ssir "ċirku ġeokulturali" b'mudell tal-kitba uniformi b'karattri Ċiniżi, bil-prattika tal-Buddiżmu, u bl-adozzjoni tal-kodiċijiet legali tal-Konfuċjaniżmu. Il-belt kattret il-ġid għal kważi 700 sena mit-18 Q.K. sas-660 W.K. mar-renji ġirien ta' Goguryeo fit-Tramuntana u ta' Silla fil-Lvant.
Il-monumenti storiċi tal-perjodu ta' Baekje ndifnu; b'hekk, meta ġew skavati, instabu f'kundizzjoni ppreservata sew. Dawn ġew irreġistrati mill-Gvern tal-Korea t'Isfel bħala Siti ta' Wirt Kulturali fil-qafas tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali tal-1962, li ġie emendat fl-2012, u fil-qafas tal-Att Speċjali tal-2004 dwar il-Preservazzjoni u l-Promozzjoni tal-Bliet Antiki, li ġie emendat fl-2013. Is-siti ddaħħlu wkoll taħt il-protezzjoni tal-Ordinanzi tal-gvernijiet lokali għall-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali, fosthom dawk ta' Chungcheongnam-do tal-2002 u ta' Jeollabuk-do tal-1999.
Organizzazzjoni speċjali msejħa l-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni u għall-Ġestjoni taż-Żoni Storiċi ta' Baekje ġiet stabbilita mal-partijiet ikkonċernati kollha; dawk ċentrali, provinċjali, il-gvernijiet lokali u l-assoċjazzjonijiet komunitarji involuti. Barra minn hekk, iddaħħal fis-seħħ Pjan kumplessiv għall-Konservazzjoni u għall-Ġestjoni għall-2015-2019 biex jiġi żgurat li l-"Valur Universali Straordinarju" tal-monumenti tas-sit jiġu ppreservati kif suppost permezz ta' Pjan għall-Ġestjoni tat-Turiżmu.[2]
Il-Fortizza ta' Gongsanseong ta' Gongju inizjalment kienet magħrufa bħala Ungjinseong u sussegwentement bħala Gongsanseong matul ir-renju tad-dinastija Goryeo. Tokkupa spazju ta' 20 ettaru, attwalment fid-distretti ta' Geumseong-dong u Sanseong-dong. Ġiet skavata matul l-iskavi arkeoloġiċi li saru wara s-snin 80 tas-seklu 20, meta l-metodi tal-kostruzzjoni għall-bini tal-ħitan tal-forti, tal-palazz irjali, u tal-istrutturi assoċjati tal-palazz irjali ġew żvelati. Il-forti jinsab fil-quċċata tal-għolja ta' Gongsan (b'elevazzjoni ta' 110 metri (360 pied)) u jestendi għal tul ta' 2,666 metru (8,747 pied), b'ħitan tal-ġebel għal tul ta' 1,925 metru (6,316-il pied) u bilanċ ta' 735 metru (2,411-il pied) magħmul bil-ħamrija u bir-radam. Il-fortizza nbniet bħala fortifikazzjoni tad-difiża li ġiet adattata għat-topografija lokali billi kkollegat il-qċaċet tal-għoljiet u tal-muntanji mal-widien. Wara l-waqgħa tal-Imperu ta' Baekje, il-ħitan reġgħu nbnew għalkollox bħala ħitan tal-ġebel u l-fortizza ġiet imdawla. Kienet tiffunzjona bħala struttura difensiva u bħala palazz irjali.
Il-Qabar Irjali tar-Re Muryeong huwa tal-25 re ta' Baekje. Dan huwa magħruf bħala l-Oqbra Rjali ta' Songsan-ri jew l-Oqbra Rjali ta' Baekje. Jinsab fil-quċċata ta' għolja żgħira (b'elevazzjoni ta' 75 metru (246 pied)) fuq in-naħa tan-Nofsinhar tax-xmara Geumgang. Ġie skavat fl-1971 f'kundizzjoni intatta, għalkemm xi skavi kienu twettqu fl-1927 u fl-1932. Meta ġie skavat, il-qabar tar-re nstab fi stat tajjeb ta' preservazzjoni b'iżjed minn 4,600 oġġett tal-antikwarjat f'kundizzjoni tajba. Ir-reġina ġiet midfuna hemmhekk ukoll. Il-qabar kien parti minn sitt oqbra oħra li nstabu fost l-Oqbra Rjali ta' Songsan-ri. L-oqbra nbnew għall-ħabta tal-475 W.K. wara li l-kapitali kienet ġiet rilokata. Il-qabar tar-re u l-qabar nru 6 huma magħmula bil-brikks u b'saqaf bil-volta, filwaqt li l-ħames oqbra l-oħra nbnew bħala kompartimenti tal-ġebel b'soqfa għat-tond qishom koppli.
Il-Fortizza ta' Busosanseong, li tinsab fuq għolja żgħira, kienet magħrufa fil-perjodu bikri bħala Sabiseong. Kienet tifforma l-bitħa ta' wara tal-palazz irjali u kienet rotta ta' ħarba f'każ ta' emerġenza. L-iskavi arkeoloġiċi li twettqu fl-1993 żvelaw dan il-forti. Il-forti jinsab fuq l-għolja ta' Busosan (b'elevazzjoni ta' 106 metri (348 pied)) fit-tarf tat-Tramuntana ta' Buyeo, fuq ix-xatt tal-Punent tax-xmara Geumgang. Il-ħajt tal-forti għandu perimetru ta' 2,495 metru (8,186 pied) b'wisa' fil-bażi ta' ħames metri sa sitt metri (16 sa 20 pied), u għandu għoli ta' tliet metri (9.8 piedi); il-ħajt inbena bil-metodu tal-ħamrija u tar-radam ikkumpattjati. Il-forti għandu żewġ daħliet, waħda fin-Nofsinhar u l-oħra fil-Lvant; id-daħla tan-Nofsinhar hija d-daħla prinċipali. Is-sejbiet hawnhekk jindikaw ukoll li l-forti ntuża bħala stabbiliment militari għal iktar minn 1,000 sena. Il-"Blata ta' Nakhwaam", li tfisser il-"Blata tal-Fjuri Jaqgħu", hija magħrufa għal-leġġenda traġika ta' Baekje li skontha 3,000 mara rjali wettqu suwiċidju billi qabżu mill-irdum.
Il-konfigurazzjoni tat-Tempju ta' Jeongnimsa hija konfigurazzjoni arkitettonika popolari fil-Korea t'Isfel kollha u għandha "konfigurazzjoni b'pagoda–sala tat-talb–sala tat-tagħlim". It-tempju jinsab fuq art ċatta u fl-isfond tal-għolja ta' Geumseongsan fil-Lvant u l-għolja ta' Busosan fit-Tramuntana. Inbena matul il-perjodu ta' Sabi u fih tinqix fuq il-pagoda li jfakkar ir-rebħa tad-dinastija Tang f'Baekje. It-tempju għandu konfigurazzjoni ta' daħla ċentrali, swali tat-talb u tat-tagħlim, u ż-żona residenzjali tal-patrijiet, kollha kemm huma kkollegati permezz ta' passaġġi. Il-binjiet kienu magħmula bl-injam mirfud fuq kolonni bil-madum. Is-sit għandu pagoda b'ħames saffi, għolja tmien metri (26 pied) b'pjattaforma baxxa u qafas prinċipali għoli fl-ewwel saff tagħha, bid-daqs jonqos fis-saffi l-oħra. Fost is-sejbiet arkeoloġiċi nstabu wkoll bosta madumiet tas-saqaf u figurini tat-tafal.
Fis-sit ta' Mireuksaji Seoktap, it-tempju għandu pagoda kbira tal-ġebel li titqies bħala l-ikbar sit ta' tempju mhux biss fil-Korea t'Isfel iżda fil-Lvant tal-Asja. It-torri tal-Lvant tal-pagoda ġie rinnovat fl-1993 u t-torri tal-Punent tal-pagoda ġie rrestawrat wara. Kollox ma' kollox, il-pagoda hija ppreservata tajjeb.
L-Oqbra Rjali ta' Neungsan-ri juru bidla fl-istil arkitettoniku tas-saqaf minn wieħed bil-volta għal wieħed ċatt. L-oqbra ġew skavati bejn l-1915 u l-1917. Seba' oqbra ġew skavati hawnhekk, b'sitta rranġati f'żewġ ringieli u s-seba' qabar xi 50 metru (160 pied) 'il bogħod. Tliet oqbra fihom kompartimenti tal-ġebel b'passaġġ, b'soqfa bil-volta b'disinni eżagonali u kwadri.
Is-Swar tal-Belt ta' Naseong li nbnew bħala difiża għall-belt huma twal 6.3 kilometri (3.9 mil) u nbnew bir-radam, bil-ħamrija u bil-ġebel. Kienu jipprovdu s-sigurtà lill-partijiet tat-Tramuntana u tal-Lvant ta' Sabi. Is-swar inbnew bit-teknoloġija tar-radam u tal-ħamrija kkumpattjati, li dak iż-żmien kienet teknoloġija innovattiva. Il-parti tal-Lvant tas-swar ġie rinnovata. Is-swar tal-ħamrija u tar-radam inbnew b'tavli tal-injam, zkuk u weraq tul ċerti biċċiet minnhom. L-iskavi żvelaq id-daħla prinċipali fil-parti tal-Lvant ta' Buyeo, ħdejn l-Oqbra Rjali ta' Neungsan-ri, b'wisa' ta' 9.5 metri (31 pied) u mibnija b'ġebel rettangolari. Daħla oħra li kienet tinsab 800 metru (2,600 pied) 'il bogħod instabet fl-2013.
Is-sit tat-Tempju tal-għolja ta' Busosan, fix-xaqliba tal-Lbiċ tiegħu, għandu tempju Buddista li ġie żvelat fl-iskavi tal-1980. It-tempju jkopri erja ta' 3,500 metru kwadru (38,000 pied kwadru). Għandu konfigurazzjoni ta' pagoda waħda u sala tat-talb. Fost l-artefatti li nstabu hemm ċintorin tal-bronż indurat li huwa maħsub li kien ta' xi ħadd b'kariga għolja.
Iż-Żoni Storiċi ta' Baekje ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-8 ta' Lulju 2015 fid-39 Sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ" għall-karatteristiċi kulturali u arkitettoniċi li r-renji tal-Korea tal-Lvant tal-Asja evolvew fir-rigward tal-metodi tal-kostruzzjoni u l-Buddiżmu, skambjati maċ-Ċina u mal-Ġappun; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet", għall-arkitettura, għall-kultura, għar-reliġjon, u għall-ħila artistika straordinarji tar-Renju ta' Baekje fil-bliet kapitali tiegħu, fis-santwarji u l-istrutturi funebri Buddisti, u fil-pagodi tal-ġebel.[1]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.