kampnar fil-Pjazza tal-Mirakli, f’Pisa, l-Italja From Wikipedia, the free encyclopedia
It-Torri Mmejjel ta' Pisa (bit-Taljan: torre pendente di Pisa) jew sempliċement it-Torri ta' Pisa (torre di Pisa [ˈtorre di ˈpiːza; ˈpiːsa][1]) huwa t-torri tal-kampnar (mibni bħala binja għaliha) tal-Katidral ta' Pisa, l-Italja, magħruf mad-dinja kollha peress li huwa mmejjel bi kważi erba' gradi minħabba l-pedamenti mhux stabbli tiegħu. Il-kampnar jinsab wara l-Katidral ta' Pisa u huwa t-tielet l-iktar struttura antika fil-Pjazza tal-Mirakli, wara l-katidral u l-Battisterju ta' Pisa, u parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1987 'l hawn.[2]
Data meta nħoloq | 1173 |
---|---|
Name | campanile du Dôme, campanile de Pise, campanile de la cathédrale de Pise, tour de Pise |
Native label | Torre di Pisa |
Reliġjon | Catholicism |
Imsemmi għal | Pisa, torri, inclined tower |
Pajjiż | Italja |
Entità amministrattiva territorjali fejn tinstab | Pisa |
Triq fejn jinstab | Piazza del Duomo |
Djoċesi | Roman Catholic Archdiocese of Pisa |
Koordinati | |
Propjetarju | Opera della Primaziale Pisana |
Made from material | marble, stone |
Arkitett | Bonanno Pisano, Diotisalvi |
Stil arkitettoniku | Romanesque architecture |
Date of official opening | 1373 |
Wi-Fi access | no |
Disabled accessibility | wheelchair accessible |
Deżinjazzjoni bħala wirt | Italian national heritage, parti minn Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO |
Indirizz stradali | Piazza del Duomo, 56126 Pisa PI |
Kodiċi postali | 56100 |
Numru tat-telefown | +39-050-387-2210 |
Email address | mailto:info@opapisa.it |
Sit uffiċjali | http://www.opapisa.it/, http://www.opapisa.it/en/ |
Described at URL | http://dati.beniculturali.it/iccd/schede/resource/CulturalInstituteOrSite/S013330_Campanile_della_Cattedrale |
Has characteristic | inclination |
Maintained by | Opera della Primaziale Pisana |
Offers view on | Pisa |
Shape | cylinder |
Category for the exterior of the item | Category:Exterior of the Leaning Tower (Pisa) |
Category for the interior of the item | Category:Interior of the Leaning Tower (Pisa) |
Category for the view from the item | Category:Views from the Leaning Tower of Pisa |
It-Torri Mmejjel ta' Pisa huwa għoli 55.86 metru mill-art min-naħa l-baxxa tiegħu u 56.67 metru min-naħa l-għolja tiegħu. Il-wisa' tal-ħitan fil-bażi tiegħu hija 2.44 metri. Huwa stmat li l-piż tiegħu huwa 14,500 tunnellata metrika.[3][4][5] Il-kampnar fih 294 jew 296 tarġa; is-seba' sular għandu żewġ tarġiet inqas fil-garigor fin-naħa tat-Tramuntana.
It-torri tal-kampnar beda jmil waqt il-kostruzzjoni fis-seklu 12, minħabba l-art ratba ta' taħtu li ma setgħetx tiflaħ il-piż tal-istruttura, u kompla jmil iktar meta tlestiet il-kostruzzjoni fis-seklu 14. Fl-1964, il-gvern Taljan talab l-għajnuna biex isir xogħol biex it-torri tal-kampnar ma jaqax. Sal-1990, kien miel b'ħames gradi u nofs.[6][7] L-istruttura ġiet stabilizzata permezz ta' xogħlijiet ta' rimedju li saru bejn l-1993 u l-2001, li naqsu t-timjil għal 3.97 gradi.[8][9] It-torri tal-kampnar jiġi ġestit mill-Opera della Primaziale Pisana, l-entità li ġġestixxi l-monumenti kollha tal-Pjazza tal-Mirakli ta' Pisa. It-Torri ta' Pisa kien ġie propost bħala wieħed mis-seba' għeġubijiet tad-dinja moderna.
Kien hemm kontroversja dwar l-identità reali tal-arkitett tat-Torri Mmejjel ta' Pisa. Għal ħafna snin, id-disinn ġie attribwit lil Guglielmo Pisano u lil Bonanno Pisano[10], artist residenti tal-belt fis-seklu 12, li kien magħruf għall-fużjonijiet bil-bronż, partikolarment fil-Katidral ta' Pisa. Pisano telaq minn Pisa fl-1185 u mar Monreale, fi Sqallija, fejn għex kważi sal-aħħar ta' ħajtu qabel ma reġa' lura Pisa u miet f'belt twelidu. Biċċa bronż fondut b'ismu ġiet skoperta quddiem it-torri tal-kampnar fl-1820, iżda jaf din setgħet kienet marbuta mal-bieb tal-bronż fil-faċċata tal-katidral li nqered fl-1595.Studju li sar fl-2001 jidher li jindika li Diotisalvi kien l-arkitett oriġinali tat-Torri Mmejjel ta' Pisa, minħabba ż-żmien meta nbena u l-affinità ma' xogħlijiet oħra ta' Diotisalvi, b'mod partikolari t-torri tal-kampnar ta' San Nikola u l-Battisterju f'Pisa stess.[11]
Il-kostruzzjoni tat-torri tal-kampnar saret fi tliet stadji tul 199 sena. Fil-5 ta' Jannar 1172, Donna Berta di Bernardo, armla u residenta tad-dar tal-Opera di Santa Mariaa, ħalliet sittin sold lill-Opera Campanilis petrarum Sancte Marie. Is-somma dak iż-żmien intużat biex jinxtraw ftit ġebliet li għadhom jiffurmaw parti mill-bażi tat-torri tal-kampnar.[12] Fid-9 ta' Awwissu 1173, tħejjew il-pedamenti tat-torri.[13] Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel sular tat-torri tal-kampnar tal-irħam abjad inbdew fl-14 ta' Awwissu tal-istess sena matul perjodu ta' suċċess militari u prosperità. Dan is-sular fih sensiela ta' arkati mal-ħajt mingħajr fetħiet u kolonni b'kapitelli Korinzji. Kważi erba' sekli wara, Giorgio Vasari kiteb: "Guglielmo, skont dak li kien qed jintqal, fl-1174, flimkien mal-iskultur Bonanno, ħejjew il-pedamenti tat-torri tal-kampnar tal-Katidral ta' Pisa".[14]
It-torri beda jċedi wara l-kostruzzjoni kienet waslet sat-tieni sular fl-1178. Dan seħħ minħabba li l-pedamenti ta' xi tliet metri, kienu ġew stabbiliti fuq art dgħajfa u mhux stabbli, jiġifieri d-disinn kien difettuż mill-bidu nett. Sussegwentement, il-kostruzzjoni waqfet għal kważi seklu, peress li r-Repubblika ta' Pisa kienet kważi dejjem involuta f'battalji ma' Genova, Lucca u Firenze. B'hekk, kien hemm biżżejjed żmien biex l-art ta' taħt il-pedamenti toqgħod. Li kieku ma kienx hemm dan l-intervall twil fil-kostruzzjoni, wisq probabbli t-Torri Mmejjel ta' Pisa kien jaqa' għalkollox. Fis-27 ta' Diċembru 1233, il-ħaddiem Benenato Bottici, iben Gerardo Bottici, issorvelja t-tkomplija tal-kostruzzjoni tat-torri tal-kampnar.[15]
Fit-23 ta' Frar 1260, Guido Speziale, iben Giovanni Pisano, ġie inkarigat biex jissorvelja l-kostruzzjoni tat-torri.[16] Fit-12 ta' April 1264, il-bennej ewlieni jew mastru bennej Giovanni di Simone, arkitett taċ-Ċimiterju Monumentali, flimkien ma' 23 ħaddiem marru lejn il-muntanji qrib Pisa biex jaqtgħu l-irħam għat-torri tal-kampnar. L-irħam li ġie maqtugħ ingħata lil Rainaldo Speziale, ħaddiem ta' San Franġisk.[17] Fl-1272, il-kostruzzjoni tkompliet taħt it-tmexxija ta' Di Simone. Fi sforz biex jiġu kkumpensat it-timjil, l-inġiniera bnew is-sulari ta' fuq b'naħa itwal mill-oħra. Minħabba f'hekk, it-torri ġej għat-tond.[18] Il-kostruzzjoni reġgħet waqfet fl-1284 meta r-Repubblika ta' Pisa tilfet kontra dik ta' Genova fil-Battalja ta' Meloria.[13][19]
Is-seba' sular tlesta fl-1319.[20] Fl-1372 ġie miżjud il-kompartiment tal-qniepen. Dan inbena minn Tommaso di Andrea Pisano, li rnexxielu joħloq armonija l-elementi Gotiċi tal-kompartiment tal-qniepen mal-istil Rumanesk tat-torri tal-kampnar.[21][22] B'kollox hemm seba' qniepen, waħda għal kull nota tal-iskala maġġuri mużikali. L-ikbar qanpiena tpoġġiet fl-1655.[23]
Bejn l-1589 u l-1592, Galileo Galilei, li dak iż-żmien kien jgħix f'Pisa, jingħad li kien waqqa' żewġ balal ta' kanun b'massa differenti mit-torri tal-kampner sabiex juri li l-veloċità tal-waqgħa tagħhom ma kinitx tiddependi mill-massa tagħhom, abbażi tal-liġi tal-waqgħa ħielsa. Is-sors primarju ta' dan huwa l-bijografija Racconto istorico della vita di Galileo Galilei (Rendikont storiku tal-ħajja ta' Galileo Galilei), miktub mill-istudent u s-segretarju ta' Galileo, Vincenzo Viviani, fl-1654, iżda li ġie ppubblikat biss fl-1717, ħafna wara mewtu.[24]
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Alleati ssuspettaw li l-Ġermaniżi kienu qed jużaw it-torri bħala post ta' osservazzjoni. Leon Weckstein, surġent tal-Armata tal-Istati Uniti mibgħut biex jikkonferma l-preżenza ta' truppi Ġermaniżi fit-torri, baqa' impressjonat bil-ġmiel tal-katidral u tat-torri tal-kampnar, u għalhekk reġa' bdielu li jordna attakk mill-ajru sabiex il-monumenti ma jinqerdux.[25][26]
Saru diversi sforzi biex it-Torri Mmejjel ta' Pisa jiġi ddrittat jew minn tal-inqas ma jaqax għalkollox. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-isforzi ma rnexxewx; uħud saħansitra żiedu t-timjil. Fis-27 ta' Frar 1964, il-gvern tal-Italja talab l-għajnuna biex it-torri ma jitħalliex jaqa'. Madankollu, ġie kkunsidrat li l-grad ta' timjil kellu jibqa' kif inhu minħabba r-rwol li kellu għall-promozzjoni tat-turiżmu f'Pisa.[27]
Mill-1993, bdew jitqiegħdu 870 tunnellata ta' kontropiżijiet taċ-ċomb ħdejn il-bażi tat-torri tal-kampnar, u b'hekk beda jiddritta kemxejn.[28]
It-Torri Mmejjel ta' Pisa ngħalaq għall-pubbliku fis-7 ta' Jannar 1990, wara iktar minn żewġ deċennji ta' studji dwar l-istabbilizzazzjoni u xprunat mill-waqgħa f'daqqa tat-Torri Ċiviku ta' Pavia fl-1989.[29][30] Il-qniepen tneħħew biex jitnaqqas ftit mill-piż, u twaħħlu kejbils tal-azzar mit-tielet sular u li ġew ankrati diversi metri lil hinn mit-Torri ta' Pisa. L-appartamenti u d-djar li kieku kienu jiġu milquta f'każ li t-torri kellu jaqa' ġew evakwati għas-sikurezza. Il-metodu li ntgħażel għall-prevenzjoni tal-waqgħa tat-torri kien li jitnaqqsu kemxejn il-gradi tat-timjil tiegħu billi jitneħħew 38 metru kubu ta' ħamrija minn taħt it-torri min-naħa olzata mill-art. Il-gradi tat-timjil tat-torri tal-kampnar tnaqqsu b'45 ċentimetru, u b'hekk it-torri reġa' lura għal kif kien fl-1838. Wara deċennju ta' rikostruzzjoni korrettiva u sforzi ta' stabbilizzazzjoni, it-torri reġa' nfetaħ għall-pubbliku fil-15 ta' Diċembru 2001, u ġie ddikjarat li kien stabbli għal minn tal-inqas 300 sena oħra. B'kollox, tneħħew 70 tunnellata metrika ta' ħamrija.[31]
Wara fażi ta' tisħiħ strutturali mill-1990 sal-2001[32], it-torri sarlu restawr gradwali tas-superfiċe biex il-ħsara viżibbli tiġi restawrata, l-iktar il-korrożjoni u s-swidija mit-tniġġis. Dawn kienu waslu fi stat gravi minħabba l-età tat-torri u mill-esponiment tiegħu għar-riħ, għax-xita u għat-tniġġis.[33] F'Mejju 2008, l-inġiniera ħabbru li t-torri kien ġie stabbilizzat u għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu kien waqaf jiċċaqlaq. Huma ddikjaraw li kien se jibqa' stabbli għal minn tal-inqas 200 sena.[31] Wara għoxrin sena ta' xogħlijiet ta' tindif tat-tniġġis u tal-ħmieġ minn fuq l-irħam abjad tat-torri tal-kampnar b'diversi armar imwaħħal miegħu, fit-22 ta' April 2011 ix-xogħlijiet tlestew għalkollox kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa u tneħħa l-armar kollu tar-restawr.[34]
Minn tal-inqas erba' terremoti b'saħħithom heżżew ir-reġjun mill-1280 'l hawn, iżda t-Torri Mmejjel ta' Pisa baqa' qawwi u sħiħ sa llum. Ir-raġuni ma kinitx magħrufa qabel ma grupp ta' riċerkaturi ta' 16-il inġinier bdew jinvestigaw. Ir-riċerkaturi kkonkludew li t-Torri ta' Pisa seta' jiflaħ it-theżżiżiet minħabba l-interazzjoni dinamika bejn il-ħamrija u l-istruttura: l-għoli u r-robustezza tat-Torri ta' Pisa, flimkien mal-ħamrija ratba taħt il-pedamenti, jinfluwenzaw il-karatteristiċi tal-vibrazzjoni tal-istruttura b'tali mod li t-torri tal-kampnar ma jbatix mir-risonanza meta l-art tiċċaqlaq minħabba xi terremot. L-istess ħamrija ratba taħt il-pedamenti li kkawżat it-timjil u wasslet biex it-torri kważi jasal biex jaqa' għalkollox, fil-każ tat-terremoti salvatu.[35]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.