Siti tal-Fossili tal-Ominidi tal-Afrika t'Isfel
Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Afrika t'Isfel / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti tal-Fossili tal-Ominidi tal-Afrika t'Isfel, magħrufa wkoll bħala n-Nieqa tal-Umanità,[1][2][3] huma għadd ta' siti paleoantropoloġiċi li jinsabu madwar 50 kilometru (31 mil) fil-Majjistral ta' Johannesburg, l-Afrika t'Isfel, fil-provinċja ta' Gauteng.[4] Dawn is-siti tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999, u jinkludu l-ikbar konċentrazzjoni ta' fdalijiet tal-antenati tal-bniedem modern fid-dinja.[5][6] Attwalment is-sit jokkupa 47,000 ettaru (180 mil kwadru) u fih sistema kumplessa ta' għerien tal-ġebla tal-ġir.[7]
Skont il-Ġurnal tax-Xjenza tal-Afrika t'Isfel, Bolt's Farm huwa l-post fejn ġew skoperti l-iżjed primati bikrin.[8] F'Bolt's Farm kienu saru diversi estrazzjonijiet ta' speleotem (karbonat tal-kalċju mill-istalagmiti, mill-istalaktiti u mill-ħaġar tal-għerien taħt l-art) fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20.[9]
Fl-Għerien ta' Sterkfontein ġew skoperti l-fossili tal-Australopithecus africanus (imlaqqma tas-"Sinjura Ples") ta' 2.3 miljun sena ilu, li nstabu fl-1947 minn Robert Broom u John T. Robinson. Is-sejba għenet biex tlaħħam l-iskoperta tal-1924 tal-kranju żagħżugħ tal-Australopithecus africanus magħruf bħala l-"Wild ta' Taung", li ġie skopert minn Raymond Dart, f'Taung fil-Provinċja tal-Majjistra tal-Afrika t'Isfel, fejn għadhom qed isiru l-iskavi.
Fil-qrib, għalkemm mhux fis-sit, is-sistema tal-Għar tal-Istilla Tiela' fiha l-Kamra ta' Dinaledi (kamra tal-istilel), li fiha ġew skoperti ħmistax-il skeletru ffossilizzati ta' speċi estinta ta' ominidi, imsejħa temporanjament bħala l-Homo naledi.
Mill-Għerient ta' Sterkfontein biss instabu iktar minn terz tal-fossili tal-ominidi bikrin li qatt instabu qabel l-2010.[10] Il-Kamra ta' Dinaledi fiha iktar minn 1,500 fossila tal-Homo naledi, li hija l-iżjed skoperta estensiva ta' speċi unika ta' ominidi li qatt instabet fl-Afrika.[11]