Ruġġieru I ta' Sqallija
From Wikipedia, the free encyclopedia
Ruġġieru I ta' Sqallija (1031-1101), li kien l-iżġħar iben ta' Tankredi ta' Hauteville fi Franza.
Goffredu Malaterra, is-segretarju u bijografu ta' Ruġġieru I, kiteb fuq il-Konti Ruġġieru hekk: "Kien żaġħżuġħ mibni sabiħ u għaref fil-kliem u l-pariri li jagħti, iħares lejn il-futur, u gwerrier qalbieni."
Ruġġieru u ħuh Robert Giscard, bħala gwerriera u espansjonisti tas-saltna tagħhom, kienu ilhom jattakkaw u jaħkmu belt wara l-oħra fl-Italja, sakemm, fl-1055 waslu fl-Italja ta' Isfel. Wara li fl-1057 kienu attakkaw u ħakmu lill-ħakmu l-Kalabrija fl-105hom il-ħsieb li jaqsmu l-istrett ta' Messina u jinvadu lil Sqallija. Dak iż-żmien, din il-gżira kienet immexxija mill-Għarab Musulmani, waqt li l-popolazzjoni kienet fil-biċċa l-kbira magħmula minn Insara Biżantini Griegi. Sa dan iż-żmien, il-kbarat Għarab kienu saru indipendenti mis-sultan ta’ Tunis. F'Mejju 1061, l-aħwa de Hauteville, Robert u Roger, qasmu minn Reggio għal Messina biex jibdew jaħkmu partijiet mit-teritorju Sqalli. F'Ġunju 1063, Ruġġieru għeleb armata Musulmana fil- battalja ta' Cerami. Fl-1068, kiseb rebħa oħra fil-battalja ta' Misilmeri. F’Jannar tal-1072, l-aħwa ħadu taħt idejhom Palermo. Ħafna mis-suċċessi militari ta’ Robert kienu dovuti għall-appoġġ ta’ ħuh Ruġġieru. F’dan il-punt, Robert Guiscard, bħala sużeran, investa lil ħuh Ruġġieru bħala Konti ta' Sqallija. Robert żamm Palermo, nofs Messina, u l-parti tal-Grigal (il-Val Demone).
Fl-1085, Ruġġieru beda bil-mod il-mod jaħkem partijiet oħra ta' Sqallija, waħda wara l-oħra, f’kampanja militari kontinwa li baqgħet sejra għal bosta żmien b’konkwista wara l-oħra. F’Marzu 1086, Sirakusa ġiet mirbuħa, u fi Frar 1091, Noto. B’hekk wieħed jista’ jgħid li issa, Sqallija kollha kienet taħt il-ħakma tan-Normanni. Il-ħakma ta’ Ruġġieru fi Sqallija saret aktar assoluta u libera minn dik ta’ Robert Guiscard fl-Italja. Barra minn hekk, minħabba l-immigrazzjoni mill-Lombardi u n-Normanni, il-Kristjaneżmu Latin gradwalment issostitwixxa t-twemmin tat-tradizzjoni Biżantina Griega.
Matul il-ħakma tiegħu Ruġġieru, bħala kap suprem, sar ukoll il-’mexxej’ tal-knisja Nisranija ta’ Sqallija. Il-Papa, kien bi pjaċir kbir irrikonoxxa lil Ruġġieru b’dan it-titlu, minħabba li dan kien irnexxielu jaħtaf ill-Sqallija minn mexxejja ta’ twemmin Musulman u tar-rit Biżantin. Fl-1098, il-Papa ta lil Ruggieru u lill-eredi tiegħu l-Legat Apostoliku ta’ Sqallija. Ruġġieru ħoloq isqfijiet tar-rit Latin, f'Sirakusa, Girgenti u bnadi oħra, hu kellu s-setgħa li jinnomina lill-isqfijiet il-ġodda, filwaqt li biddel l-Arċisqof ta' Palermo f'sede tad-djoċesi.
Fl-istess ħin, il-Konti Ruġġieru, żamm fit-tmexxija tiegħu sens ta’ tolleranza lejn dawk il-popli ta’ twemmin ieħor, bħal ma kienu l-Griegi Ortodossi u l-Għarab Musulmani. Saħansitra, Ruġġieru anki għen finanzjarjament il-bini ta ' aktar minn tnax-il monasteru Grieg fir-reġjun ta' Val Demone. Fl-ibliet, il-Musulmani, kienu kisbu dawn l-istess drittijiet u żammew il-moskej tagħhom, u l-libertà tal-kummerċ. Biss l-istatus tagħhom issa kien sar dak ta’ servi. Paradossalment, Ruġġieru kien ġabar il-massa tal-infanterija tiegħu mill-poplu Musulman. Sant Anselmu jgħid li meta żar lill-Konti Ruġġieru waqt l-assedju ta’ Kapua, fl-1098, innota “numru kbir ta’ tined kannella tal-Għarab”. Fl-istess żmien, il-Lombardi u nies oħra mill-Italja ta’ Fuq kienu bdew jimigraw lejn in-Nofsinhar tal-Italja u Sqallija. Dan it-taħliet ta’ nies kompla naqqas il-qawwa u l-influenza Għarbija Musulmana fi Sqallija.