Rota
From Wikipedia, the free encyclopedia
Rota, jew biċikletta, hi vettura mħaddma mill-bniedem, b'żewġ roti mwaħħlin ma' frejm, waħda wara l-oħra. Xi ħadd li jsuq rota jissejjaħ ċiklist.
Ir-roti daħlu fis-seklu 19 fl-Ewropa u, fl-2003 kien hemm iktar minn biljun madwar id-dinja kollha, id-doppju mill-karozzi. Huma l-mezz ta' trasport ewlieni f'ħafna reġjuni. Jipprovdu wkoll forma popolari ta' rikreazzjoni, u ġew addattati għall-użu ta' ġugarelli għat-tfal, fitness ġenerali, fil-militar u l-pulizija, servizzi courier, u tlielaq tar-roti.
Il-forma bażika u konfigurazzjoni ta' rota ftit inbidlet mindu l-ewwel mudell b'katina ġie żviluppat fl-1885. Imma ħafna dettalji tjiebu, speċjalment mill-miġja tal-materjali u d-disinji megħjuna mill-kompjuter. Dawn wasslu għat-tkattir ta' disinji speċjalizzati għal ħafna tipi ta' ċikliżmu.
L-invenzjoni tar-rota kellha effett enormi fuq is-soċjetà, kemm f'termini ta' kultura u kemm għall-avvanzi moderni tal-metodi industrijali. Numru ta' elementi li eventwalment kellhom parti mill-irwol tal-iżvilupp tal-karozza kienu inizjalment ivvintati għall-użu tar-rota, bħall-ball bearing, tajers pnewmatiċi, sprockets b'katina, u r-roti bl-ispokes bit-tensjoni.