Residenza ta' Würzburg
palazz f'Würzburg, il-Ġermanja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Ir-Residenza ta' Würzburg (bil-Ġermaniż: Würzburger Residenz) hija palazz f'Würzburg, il-Ġermanja. Johann Lukas von Hildebrandt u Maximilian von Welsch, rappreżentanti tal-istil Barokk tal-Awstrija/tan-Nofsinhar tal-Ġermanja, kienu involuti fil-kostruzzjoni, kif ukoll Robert de Cotte u Germain Boffrand, li kienu segwaċi tal-istil Franċiż. Balthasar Neumann, l-arkitett tal-qorti tal-Isqof ta' Würzburg, kien l-arkitett prinċipali tar-Residenza, li ġie kkummissjonat mill-Prinċep-Isqof ta' Würzburg Johann Philipp Franz von Schönborn u ħuh Friedrich Carl von Schönborn fl-1720, u l-binja tlestiet fl-1744. Il-pittur Venezjan Giovanni Battista Tiepolo, megħjun minn ibnu Domenico, pitter l-affreski fil-binja.
Fost il-postijiet fuq ġewwa tar-Residenza li jitqiesu bħala kapulavuri tal-arkitettura u tal-arti Barokka/Rokokò jew Neoklassika hemm it-taraġ grandjuż, il-kappella u s-Sala Imperjali. Jingħad li l-binja kienet imsejħa "l-ikbar residenza fl-Ewropa" minn Napuljun.[1] Matul it-Tieni Gwerra Dinjija ġarrbet ħsarat estensivi mill-bumbardamenti tal-Alleati, u r-restawr ilu jsir mill-1945. Fl-1981 ir-Residenza żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala rikonoxximent tal-arti, tad-disinn u tal-arkitettura Barokka straordinarja tagħha.[2]