![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/5/59/Nevado_Huascar%25C3%25A1n3.jpg/640px-Nevado_Huascar%25C3%25A1n3.jpg&w=640&q=50)
Park Nazzjonali ta' Huascarán
park nazzjonali fil-Perù / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Park Nazzjonali ta' Huascarán (bl-Ispanjol: Parque Nacional Huascarán) huwa park nazzjonali Peruvjan li jinkludi l-biċċa l-kbira tal-katina muntanjuża magħrufa bħala Cordillera Blanca (l-ogħla katina muntanjuża tropikali fid-dinja) li tagħmel parti mill-Andes ċentrali, fir-reġjun ta' Ancash.[1] Il-park ikopri erja ta' 340,000 ettaru (840,000 akru) u huwa ġestit min-Network Peruvjan taż-Żoni Naturali Protetti, jew is-SERNANP (Servicio Nacional de Áreas Naturales Protegidas). Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[2] Il-park huwa magħruf fost ix-xabbaturi u jħaddan fih bijodiversità unika, bi speċijiet ta' pjanti bħar-Reġina tal-Andes, siġar tal-ġeneri Polylepis u Buddleja, u annimali bħall-orsijiet taċ-ċrieki ma' għajnejhom, il-kondors, il-vikuni, u t-taruki.
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/5/59/Nevado_Huascar%C3%A1n3.jpg/640px-Nevado_Huascar%C3%A1n3.jpg)
Il-park huwa twil madwar 150 kilometru (93 mil) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u għandu wisa' medja ta' madwar 25 kilometru (16-il mil). Ix-xaqliba tal-Punent tal-Cordillera Blanca tiskula fl-Oċean Paċifiku permezz tax-xmara Santa u x-xaqlibiet tal-Lvant jiskulaw fix-xmara Marañón u fl-aħħar mill-aħħar l-ilma jispiċċa fix-xmara Amazzonja u fl-Oċean Atlantiku.[3]