![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/0/02/Capo_palinuro.jpg/640px-Capo_palinuro.jpg&w=640&q=50)
Park Nazzjonali ta' Cilento, Vallo di Diano u Alburni
park nazzjonali Taljan / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Park Nazzjonali ta' Cilento, Vallo di Diano u Alburni (bit-Taljan: Parco nazionale del Cilento, Vallo di Diano e Alburni) huwa park nazzjonali Taljan fil-Provinċja ta' Salerno, fir-reġjun ta' Campania fin-Nofsinhar tal-Italja. Jinkludi l-biċċa l-kbira ta' Cilento, il-Wied ta' Diano (bit-Taljan: Vallo di Diano) u l-Għoljiet ta' Alburni. Ġie stabbilit fl-1991[1], u preċedentement kien magħruf bħala l-Park Nazzjonali ta' Cilento u Vallo di Diano.
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/0/02/Capo_palinuro.jpg/320px-Capo_palinuro.jpg)
Fl-1995 ġiet stabbilita awtorità għall-ġestjoni tal-park nazzjonali.[2] Iż-żona naturali protetta fiha madwar 36,000 ettaru, kollha kemm huma fil-Provinċja ta' Salerno, u iktar 'il quddiem din iż-żona ġiet estiża biex tkopri sa 181,048 ettaru. Illum il-ġurnata din l-art tikkorrispondi għall-parti tan-Nofsinhar tal-provinċja, li tinsab bejn il-pjanura ta' Sele fit-Tramuntana, ir-reġjun ta' Basilicata fil-Lvant u fin-Nofsinhar, u l-Baħar Tirren fil-Punent. Il-park jinkludi t-territorji parzjali jew kollha kemm huma ta' tmien komunitajiet muntanjużi u 80 komun. Mill-1998 l-park nazzjonali tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[3] (flimkien mas-siti arkeoloġiċi ta' Paestum, Velia u l-Monasteru ta' Padula), mill-1997 sar Riżerva ta' bijosfera u mill-2010 sar l-ewwel park nazzjonali Taljan li sar ġeopark.[4][5] Is-sede tal-park tinsab f'Vallo della Lucania.