From Wikipedia, the free encyclopedia
Ottorino Respighi (Bolonja, 9 ta' Lulju 1879 – Ruma, 18 ta' April 1936) kien kompożitur, mużikologu u direttur mużikali Taljan. Hu l-iktar magħruf għat-Triloġija Orkestrali Rumana tiegħu: Fontane di Roma, Pini di Roma u Feste Romane. L-interess qawwi li kellu fil-mużika tas-sekli 16, 17 u 18 wassluh sabiex jikkomponi bċejjeċ mużikali bbażati fuq dawn il-perjodi.
Studja l-kompożizzjoni ma' Giuseppe Martucci u Nikolai Rimsky-Korsakov. Diversi sorsi jindikaw li għal perjodu qasir studja wkoll ma' Max Bruch, però fil-bijografija tal-kompożitur, mart Respighi tgħid li dan mhuwiex minnu. Waqt li sal-1908 kien primarjament vjolinista, wara sar primarjament kompożitur.
Ottorino Respighi twieled Bolonja, l-Italja. Missieru, li kien l-għalliem lokali tal-pjanu, għallmu l-pjanu u l-vjolin. Hu kompla jistudja l-vjolin u l-vjola ma' Federico Sarti fil-Liceo Musicale ta' Bolonja, il-kompożizzjoni ma' Giuseppe Martucci u studji storiċi ma' Luigi Torchi, studjuż ta' mużika antika. Sena wara li ġab diploma fil-vjolin fl-1899, Respighi mar ir-Russja biex idoqq bħala l-vjolinista prinċipali mal-orkestra tat-Teatru Imperjali Russu f'San Pietruburgu matul l-istaġun tagħha tal-opra Taljana. Waqt li kien hemm studja għal ħames xhur ma' Rimsky-Korsakov. Wara dan, Respighi reġa' lura lejn Bolonja fejn ġab it-tieni diploma tiegħu fil-kompożizzjoni. Sal-1908, l-attività prinċipali tiegħu kienet bħala l-prim vjolinista tal-Kwintett Mugellini. Bejn l-1908 u l-1909 qatta' xi żmien idoqq il-Ġermanja qabel irritorna lejn l-Italja u beda jikkonċentra b'mod esklussiv fuq il-kompożizzjoni.
Meta laħaq professur tal-kompożizzjoni fil-Conservatorio di Santa Cecilia fl-1913, Respighi mar joqgħod Ruma u għex hemm għal bqija ta' ħajtu. Fl-1917, il-fama tiegħu bdiet tinfirex minħabba diversi eżekuzzjonijiet internazzjonali tal-ewwel fost il-poeżiji toniċi Rumani tiegħu, Le fontane di Roma. Fl-1919, hu żżewweġ studenta tal-passat tiegħu, il-kantanta Elsa Olivieri-Sangiacomo. Bejn is-snin 1923 u 1926 kien id-direttur tal-Conservatorio. Fl-1925, ikkollabora ma' Sebastiano Arturo Luciani fuq ktieb elementari bl-isem ta' Orpheus. Kien elett għall-Akkademja Rjali tal-Italja fl-1932.
Il-mawra sal-Brażil irriżultat fil-kompożizzjoni Impressione Brasiliane. L-intenzjoni primarja tiegħu kienet li din tkun sensiela ta' ħames bċejjeċ, però sal-1928 tlieta biss minnhom kienu għadhom tlestew, u għalhekk iddeċieda li jippreżentahom kif kienu. L-ewwel eżekuzzjoni kienet fl-1928 f'Rio de Janeiro. L-ewwel biċċa hija notturn Notte Tropicale, bi frammenti ta' ritmi ta' żfin, issuġġeriti minn tat-timbri senswali. It-tieni biċċa hija rappreżentazzjoni sinistra ta' institut tar-riċerka fuq is-sriep, Instituto Butantan, li Respighi kien żar f'São Paulo, bi ħjiel ta' kant tal-għasafar (bħal f'Pini di Roma). L-aħħar moviment huwa żifna Brażiljana ħajja u kulurita.
Fuq il-vapur lura minn Rio de Janeiro, Respighi ltaqa' b'kumbinazzjoni mal-fiżiku Taljan Enrico Fermi. Waqt id-diskursata twila tagħhom, Fermi pprova jieħu spjegazzjoni tal-mużika permezz tal-fiżika, però Respighi ma kienx kapaċi jagħmel dan. Minkejja dan, huma baqgħu ħbieb kbar sal-mewt ta' Respighi fl-1936.
Respighi ma baqgħax jappoġġa b'mod sħiħ ’il-Partit Nazzjonali Faxxist ta' Benito Mussolini. Beda jaqbeż għal nies li kkritikaw lir-reġim, bħal Arturo Toscanini, li bis-saħħa ta' Respighi żamm xogħlu fi ħdan ir-reġim. It-Tielet parti tat-triloġija Rumana, Feste Romane, indaqqet min-New York Philharmonic Orchestra immexxija minn Toscanini fl-1929. Barra minn hekk, Toscanini irrekordja din il-mużika darbtejn għal RCA Victor, l-ewwel darba fl-1942 mal- Philadelphia Orchestra, u t-tieni darba fl-1949 mal-NBC Symphony Orchestra. Il-mużika ta' Respighi kellha suċċessi kbar fl-Istati Uniti: it-Toccata għal pjanu u orkestra indaqqet għall-ewwel darba f'Novembru tal-1928 fil-Carnegie Hall min-New York Philharmonic immexxija minn Willem Mengelberg, b'Respighi nnifsu bħala solista fuq il-pjanu. Ix-xogħol kbir maħdum fuq tema u varjazzjonijiet bl-isem ta' Metamorphoseon kien ikkummisjonat għal ħamsin anniversarju tal-Boston Symphony Orchestra.
Respighi kien studjuż ukoll tal-mużika Taljana tas-sekli sittax, sbatax u tmintax. Ippublika xi edizzjonijiet tal-mużika ta' Claudio Monteverdi u Antonio Vivaldi, kif ukoll edizzjoni ta' Didone ta' Benedetto Marcello. B'mod ġenerali, Respighi evita milli juża l-idjoma tal-Perjodu Klassiku. Minflok, ipprefera jgħaqqad stili melodiċi u forom mużikali (bħal żfin) ta' qabel il-Perjodu Klassiku mal-armonija u tessatura romantika ta' tmiem is-seklu dsatax.
Respighi baqa jikkomponi u jagħti kunċerti madwar id-dinja sa Jannar tal-1936, sakemm beda jħossu dgħajjef u marid. Miet fit-18 ta' April tal-istess sena wara attakk tal-qalb ikkawżat minn infezzjoni f'qalbu, fl-età ta' 56 sena. Sena wara mewtu, il-fdalijiet tiegħu ġew trasferiti lejn Bologna, raħal twelidu, u reġa ndifen hemmhekk bl-ispejjeż imħallsin mill-istess belt.
Piano
Vjolin
Oħrajn
Nota: Ħafna minn dawn ix-xogħolijiet da kamera mhumiex ppublikati u jinsabu miktuba fuq manuskritti fil-konservatorji ta' Bologna u ta' Ruma. Tlett Kwartetti tal-Korda (1907, 1909 u 1924), il-Ballata Huntingtower, u l-Kwintett tal-Pjanu huma ppublikati.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.