![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/e/e3/St_Sophia_%2528Ohrid%2529.jpg/640px-St_Sophia_%2528Ohrid%2529.jpg&w=640&q=50)
Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Maċedonja ta' Fuq
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Maċedonja ta' Fuq / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Wara l-Ftehim ta' Prespa, l-isem tal-pajjiż inbidel uffiċjalment għal Maċedonja ta' Fuq fl-2019.
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/e/e3/St_Sophia_%28Ohrid%29.jpg/640px-St_Sophia_%28Ohrid%29.jpg)
Mill-2021, il-Maċedonja ta' Fuq għandha żewġ Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Is-sit naturali u kulturali tar-Reġjun ta' Ohrid tniżżel fil-lista fit-tielet Sessjoni tal-UNESCO fl-1979. Fl-2019, is-sit twessa' biex tiġi inkluża wkoll il-parti Albaniża tal-lag ta' Ohrid, u b'hekk sar sit transnazzjonali.[3] Fl-2021, is-sit tal-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa ġie estiż biex tiġi inkluża foresta tal-fagu fi ħdan il-Park Nazzjonali ta' Mavrovo. Dan is-sit huwa kondiviż ma' 17-il pajjiż Ewropew.