Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Finlandja
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Finlandja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Finlandja rratifikat il-Konvenzjoni fl-4 ta' Marzu 1987, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
L-ewwel żewġ Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li tniżżlu mill-Finlandja kienu ċ-Ċentru Storiku ta' Rauma u l-Fortizza ta' Suomenlinna, it-tnejn fl-1991, matul il-15-il sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li sar f'Kartaġni, it-Tuneżija. Is-siti l-oħra fil-Finlandja żdiedu fl-1994, fl-1996, fl-1999, fl-2005, u fl-2006.
Mill-2020, b'kollox il-Finlandja għandha seba' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, sitta kulturali u wieħed naturali. Dan is-sit tal-aħħar huwa l-Höga Kusten / l-Arċipelagu ta' Kvarken u huwa sit transnazzjonali kondiviż mal-Iżvezja. Il-parti Żvediża, il-Höga Kusten, kienet tniżżlet waħedha fis-sena 2000 u fl-2006 żdied l-Arċipelagu ta' Kvarken. Hemm sit transnazzjonali ieħor fil-Finlandja li huwa l-Ark Ġeodetiku ta' Struve, sit kulturali li żdied fl-2005 u li huwa kondiviż ma' disa pajjiżi oħra.