Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Ġappun
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Ġappun / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Ġappun irratifika l-Konvenzjoni fit-30 ta' Ġunju 1992, u b'hekk is-siti indikattivi tiegħu setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
B'kollox il-Ġappun għandu 25 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, 20 kulturali u 5 naturali. L-ewwel erba' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-Ġappun żdiedu fl-1993: il-Monumenti Buddisti fl-Inħawi ta' Horyu-ji, il-Kastell ta' Himeji, Shirakami-Sanchi u Yakushima. L-iżjed siti li żdiedu reċentement mill-Ġappun huma s-Siti Preistoriċi ta' Jomon fit-Tramuntana tal-Ġappun u l-Gżejjer ta' Amami-Oshima, Tokunoshima u Iriomote, u t-Tramuntana ta' Okinawa, fl-2021.