Linji ta' Nazca
ġeoglifiċi kbar fid-deżert ta' Nazca fil-Perù / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Linji ta' Nazca (pronunzjata: /ˈnæzkɑː/) huma grupp ta' ġeoglifiċi magħmula fil-ħamrija tad-Deżert ta' Nazca fin-Nofsinhar tal-Perù.[1] Inħolqu bejn il-500 Q.K. u l-500 W.K. permezz ta' tħaffir fil-baxx jew tħażżiż fid-deżert, u bit-tneħħija tal-ġebel żgħir biex il-ħamrija b'kulur differenti tiġi esposta. Hemm żewġ fażijiet ewlenin tal-Linji ta' Nazca, il-fażi ta' Paracas, mill-400 sal-200 Q.K., u l-fażi ta' Nazca, mill-200 Q.K. sal-500 W.K.[2] Fis-snin ta' qabel l-2020, instabu bejn 80 u 100 figura ġdida bl-użu tad-droni, u l-arkeologi jemmnu li għad fadal iktar x'jinstabu.[3]
Il-biċċa l-kbira tal-linji huma linji dritti tul il-pajsaġġ, iżda hemm ukoll disinni figurattivi ta' annimali u ta' pjanti. Id-disinni ġeoglifiċi figurattivi individwali huma kbar bejn 400 u 1,100 metru. It-tul ikkombinat tal-linji kollha huwa iktar minn 1,300 kilometru (800 mil), u l-grupp ta' linji jkopri erja ta' madwar 50 km2 (19-il mil kwadru). Il-linji tipikament huma fondi 10 ċentimetri sa 15-il ċentimetru (4–6 pulzieri). Dawn saru bit-tneħħija tas-saff ta' fuq ta' ġebel żgħir kannella fl-aħmar miksi bl-ossidu tal-ħadid u taħthom ġie espost saff griż fl-isfar. Il-wisa' tal-linji jvarja b'mod konsiderevoli, iżda iktar minn nofshom huma wesgħin kemxejn iktar minn 33 ċentimetru (13-il pulzier).[4] F'xi postijiet jaf ikunu wesgħin xi 30 ċentimetru biss, u f'oħrajn ilaħħqu wisa' ta' 1.8 metru (6 piedi).[1]
Uħud mil-Linji ta' Nazca jiffurmaw għamliet li l-aħjar li tarahom mill-ajru (f'għoli ta' madwar 500 metru [1,600 pied]), għalkemm huma viżibbli wkoll mill-għoljiet tal-madwar u minn postijiet għoljin oħra.[5][6][7] L-għamliet normalment ikunu ffurmati minn linja kontinwa waħda. L-ikbar ġeoglifiċi huma twal madwar 370 metru. Minħabba li jinsabu f'promontorju iżolat, niexef, bla riħ u bi klima stabbli, il-linji fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew ippreservati b'mod naturali. Bidliet estremament rari fit-temp jaf jalteraw temporanjament id-disinni ġenerali. Mill-2012, jingħad li l-linji bdew jiddeterjoraw minħabba influss ta' nies li bdew jokkupaw l-artijiet tal-madwar.[8]
Il-kumplessità tal-figuri tvarja. Mijiet minnhom huma linji sempliċi u għamliet ġeometriċi; iżjed minn 70 disinn żoomorfiku, inkluż kolibrì, brimba, ħuta, kondor, agrett, xadina, gremxula, kelb, qattus, u bniedem. Għamliet oħra jinkludu siġar u fjuri. L-istudjużi ma jaqblux fl-interpretazzjoni tal-iskop tad-disinni, iżda inġenerali, jehmżulhom tifsira reliġjuża.[9][10][11][12] Fl-1994 ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]