Kolugo
From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-kolugi, imsejħa bħala kobegi jew lemuri li jtiru (għalkemm, dawn la huma lemuri u l-anqas itiru), huma mammiferi erbivori notturni ta' daqs żgħir mifruxin mal-foresti tropikali fin-naħa tax-Xlokk tal-Asja. Jeżistu biss żewġ speċi f'żewġ ġeneri, li jiffurmaw il-familja Cynocephalidae u l-ordni Dermoptera. Għalkemm huma l-aktar mammiferi kapaċi mill-mammiferi li jipplanaw, dawn xorta ma jistgħux itiru ta' vera.
Kolugi | |
---|---|
Tpinġija ta' kolugo | |
Klassifikazzjoni xjentifika | |
Renju: | Animalia |
Phylum: | Chordata |
Sottodiviżjoni: | * Cynocephalus |
Klassi: | Mammalia |
Sottoklassi: | Theria |
Infraklassi: | Eutheria |
Superordni: | Euarchontoglires |
Ordni: | Dermoptera Illiger, 1811 |
Familja: | Cynocephalidae Simpson, 1945 |
Firxa tal-kolugi. Il-kolugo tal-Filippini bl-aħmar u l-kolugo ta' Sunda bl-iswed. |
Il-kolugi, għalkemm ta' daqs żgħir, huma pjuttost kbar bħala mammiferi tas-siġar: b'daqs ta' bejn 35 u 40 ċentimetru fit-tul u minn 1 sa 2 kilogrammi fil-piż. Is-saqajn u l-idejn huma rqaq, ta' tul moderat bl-istess qies, denb ta' daqs medju u korporatura ħafifa. Ir-ras hi ċkejkna, b'par għajnejn kbar iħarsu 'l quddiem b'viżjoni binokulari u b'par widnejn żgħar u tondi.
Dawn il-mammiferi għandhom membrana ta' ġilda mifruxa bejn il-vojt tal-appendiċi kollha li fl-ebda mammiferu ieħor ma laħqet din il-firxa. Din il-membrana, jew pataġjum, hi mifruxa wkoll bejn is-swaba' tal-idejn u tas-saqajn, bejn id-denb u s-saqajn u saħansitra bejn l-idejn u l-għonq. Ġeometrikament, din il-membrana mhijiex possibli tkun akbar jew aktar mifruxa minn hekk.