![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/6/62/Catherine_II_by_F.Rokotov_after_Roslin_%25281780s%252C_Hermitage%2529_2.jpg/640px-Catherine_II_by_F.Rokotov_after_Roslin_%25281780s%252C_Hermitage%2529_2.jpg&w=640&q=50)
Katerina II tar-Russja
From Wikipedia, the free encyclopedia
Katerina II Alekseevna tar-Russja, bir-Russu: Екатерина II Алексеевна, Ekaterina II Alekseevna (Szczecin, 21 ta' April 1729 – Puškin, 6 ta' Novembru 1796), magħrufa bħala Katerina l-Kbira, kienet imperatriċi tar-Russja mill-1762 sa mewtha. Kienet wieħed mill-eżempji l-iżjed importanti ta' sovran imdawwal.
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/6/62/Catherine_II_by_F.Rokotov_after_Roslin_%281780s%2C_Hermitage%29_2.jpg/640px-Catherine_II_by_F.Rokotov_after_Roslin_%281780s%2C_Hermitage%29_2.jpg)
Twieldet Sofia Federica Augusta, bint il-prinċep Ġermaniż ta' Anhalt-Zerbst u fl-1745, ta' 16-il sena, iżżewġet lill-Granduka Pietru Fëdorovič, eredi għat-tron Russu. Kienet mara intelliġenti, kolta u sensittiva u ma damitx ma nfirdet minn żewġha li kien żorr u goff. Pietru III tilef l-appoġġ tal-Gwardja u ċ-ċirku tan-nies tal-qorti billi kien ixaqleb lejn il-Prussjani u għalhekk ġie depost. Imbagħad fl-20 ta' Ġunju 1762, Katerina II, telgħet fuq it-tron u ftit jiem wara żewġha miet fil-ħabs. L-imperatriċi l-ġdida ġiet akkużata li kienet il-kawża tal-mewt tiegħu. Taħt it-tmexxija tagħha, l-imperu Russu sar dejjem iżjed qawwi u kellu influwenza kbira fl-Ewropa.
Billi riedet tapplika l-prinċipji, li kienet segwaċi tagħhom, għall-metodu tat-tmexxija tagħha, bdiet bil-ħolqien ta' kodiċi ġdid ispirat mill-ideat tal-enċiklopedisti. Fl-istess ħin bl-għajnuna tal-favoriti tagħha, li kienet tavda fihom, b'mod partikolari Grigorij Orlov u Grigorij Potëmkin, u anki bis-suċċess tal-ġenerali bħal Pëtr Rumjancev u Aleksandr Suvorov, u l-ammiralli bħal Fëdor Ušakov, espandiet malajr l-eġemonija Russa f'bosta territorji: fil-punent kien hemm l-annessjoni tat-territorju kbir li kisbet meta xoljiet il-Konfederazione zjoni Polakka-Litwana, wara l-gwerer Russo-Torok l-imperu Russu okkupa l-Krimea u, lejn il-lvant estrem bdiet il-kolonizzazzjoni tal-Alaska.
Katerina kienet tammira ħafna 'l Pietru l-Kbir u kompliet timmodernizza ir-Russja tal-Punent billi timxi mal-idejat tal-assolutiżmu mdawwal: kienet tinteressa ruħha fil-problemi tat-tagħlim u waqfet l-ewwel istitut feminili għat-tagħlim superjuri. Kienet tinteressa ruħha wkoll fil-finanzi u fil-ħolqien ta' bliet żgħar imwaqqfin bl-ordi tagħha. Minkejja dan, il-politika tagħha wasslet biex in-numru tas-servi tal-gleba żdied u dan ġab miegħu skuntentizza fost in-nies u bosta rvelli li ġew imrażżna bil-vjolenza bħal dik immexxija mil-Kożakk Emel'jan Ivanovič Pugačëv.
Minkejja dawn l-ambigwitajiet politiċi, minħabba l-korrispondenza li kellha mal-filosfi illuministi li kienu jfaħħru il-gvern tagħha, il-perjodu tal-ħakma ta' Katerina l-Kbira hu sikwit meqjus bħala l-Epoka tad-Deheb tal-imperu Russu