Kastell ta' Kronborg
kastell fid-Danimarka / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Kastell ta' Kronborg huwa kastell u fortizza fir-raħal ta' Helsingør, id-Danimarka. Immortalizzat bħala Elsinore f'Hamlet ta' William Shakespeare, il-Kastell ta' Kronborg huwa wieħed mill-iktar kastelli Rinaxximentali importanti fit-Tramuntana tal-Ewropa u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]
Il-kastell jinsab fit-tarf estrem tal-Grigal tal-gżira ta' Zealand fl-idjaq punt tal-Øresund, l-istrett bejn l-art li llum il-ġurnata hija d-Danimarka u l-provinċji li llum il-ġurnata huma parti mill-Iżvezja u li fl-imgħoddi kienu Daniżi meta nbena l-kastell. F'din il-parti, l-istrett wiesa' erba' kilometri biss, b'hekk toħroġ fid-dieher l-importanza strateġika li tinżamm fortifikazzjoni kostali biex isservi ta' għassa għal wieħed mill-ftit żbokki tal-Baħar Baltiku.
L-istorja tal-kastell tmur lura għal fortizza, Krogen, li nbniet mir-Re Eric VII fis-snin 20 tas-seklu 15. Flimkien mal-fortizza ta' Kärnan f'Helsingborg fil-kosta opposta tal-Øresund, kienet tikkontrolla d-daħla għall-Baħar Baltiku. Mill-1574 sal-1585, ir-Re Federiku II ordna li l-fortizza Medjevali tiġi ttrasformata b'mod radikali f'kastell Rinaxximentali mill-isbaħ. L-arkitetti prinċipali kienu l-Fjammingi Hans Hendrik van Paesschen u Anthonis van Obbergen, filwaqt li x-xogħol tal-iskultura ġie kkoordinat minn Gert van Groningen.
Fl-1629, in-nirien qerdu l-biċċa l-kbira tal-kastell, iżda r-Re Christian IV sussegwentement ordna r-rikostruzzjoni tiegħu. Il-kastell fih ukoll knisja fi ħdanu. Fl-1658, Kronborg ġie assedjat u nħakem mill-Iżvediżi li ħadu ħafna mit-teżori tal-arti magħhom. Fl-1785 il-kastell ma baqax iktar residenza rjali u ġie kkonvertit f'barrakki għall-armata. L-armata telqet mill-kastell fl-1923, u wara rinnovazzjoni kbira nfetaħ għall-pubbliku.