![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/c/c9/Berlin_Museumsinsel_Fernsehturm.jpg/640px-Berlin_Museumsinsel_Fernsehturm.jpg&w=640&q=50)
Gżira tal-Mużewijiet
in-naħa tat-Tramuntana tal-Gżira ta' Spree fix-xmara Spree fiċ-ċentru ta' Berlin / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Gżira tal-Mużewijiet (bil-Ġermaniż: Museumsinsel) hija kumpless ta' mużewijiet fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-Gżira ta' Spree fil-qalba storika ta' Berlin, il-belt kapitali tal-Ġermanja. Hija waħda mill-iktar attrazzjonijiet turistiċi viżitati ta' Berlin u hija wieħed mill-iktar siti importanti ta' mużewijiet fl-Ewropa. Il-kumpless inbena bejn l-1830 u l-1930 fuq l-ordni tar-rejiet tal-Prussja skont il-pjanijiet ta' ħames arkitetti.
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/c/c9/Berlin_Museumsinsel_Fernsehturm.jpg/640px-Berlin_Museumsinsel_Fernsehturm.jpg)
Il-Gżira tal-Mużewijiet tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1] Il-kumpless inizjalment kien jinkludi ħames mużewijiet b'kollox: il-Mużew l-Antik (bil-Ġermaniż: Altes Museum), il-Mużew il-Ġdid (bil-Ġermaniż: Neues Museum), il-Gallerija Nazzjonali l-Antika (bil-Ġermaniż: Alte Nationalgalerie), il-Mużew ta' Bode (bil-Ġermaniż: Bode-Museum) u l-Mużew ta' Pergamon (bil-Ġermaniż: Pergamonmuseum). Peress li l-kumpless tal-Gżira tal-Mużewijiet inbena fuq il-Gżira ta' Spree kollha fit-Tramuntana tat-triq prinċipali l-kbira Unter den Linden, il-Katidral ta' Berlin (bil-Ġermaniż: Berliner Dom) jinsab hawnhekk ukoll, ħdejn il-park imsejjaħ Lustgarten. Fin-Nofsinhar, il-Palazz ta' Berlin rikostruwit jospita l-mużew tal-Forum ta' Humboldt, is-sitt mużew li nfetaħ fl-2020. Mir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, il-Gżira tal-Mużewijiet ġiet rikostruwita u estiża skont pjan direzzjonali ewlieni.[2] Fl-2019, infetaħ ċentru tal-viżitaturi ġdid u gallerija tal-arti msejħa l-Gallerija ta' James Simon (bil-Ġermaniż: James-Simon-Galerie).