![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/c/c6/Jeju_Island.jpg/640px-Jeju_Island.jpg&w=640&q=50)
Gżira ta' Jeju
gżira fin-Nofsinhar tal-Korea t'Isfel / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Gżira ta' Jeju (bil-Korean: 제주도; bil-Hanja: 濟州島; IPA: [tɕedzudo]) hija l-ikbar gżira fil-Korea t'Isfel, u tinsab fil-Provinċja ta' Jeju (il-Provinċja Awtogovernanti Speċjali ta' Jeju). Il-gżira tkopri erja ta' 1833.2 km2[1], jiġifieri 1.83 fil-mija tal-erja totali tal-Korea t'Isfel. Fl-2020, il-popolazzjoni residenti rreġistrata kienet ta' madwar 670,000 ruħ, l-ikbar popolazzjoni fost il-gżejjer fil-Korea t'Isfel.[2]
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/c/c6/Jeju_Island.jpg/640px-Jeju_Island.jpg)
Il-gżira tinsab fl-Istrett tal-Korea, taħt il-Peniżola Koreana, fin-Nofsinhar tal-Provinċja tan-Nofsinhar ta' Jeolla. Jeju hija l-unika provinċja awtogovernanti fil-Korea t'Isfel, li jfisser li l-provinċja titmexxa mill-abitanti lokali minflok mill-politiċi mill-art kontinentali.
Il-Gżira ta' Jeju għandha għamla ovali ta' 73 km mil-Lvant għall-Punent u ta' 31 km mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, b'xaqliba għan-niżla madwar il-Muntanja Halla fiċ-ċentru tal-gżira. It-tul tat-triq prinċipali huwa ta' 181 km u hemm 258 km ta' kosta. Fit-tarf nett fit-Tramuntana tal-gżira hemm il-Bajja ta' Kimnyeong, filwaqt li fit-tarf nett fin-Nofsinhar hemm il-Muntanja ta' Songak. Fit-tarf nett fil-Punent hemm Suwolbong, filwaqt li fit-tarf nett fil-Lvant hemm Seongsan Ilchulbong. Il-gżira tinsab fil-Baħar l-Isfar, fil-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina, kif ukoll fil-Baħar tal-Ġappun li jservi bħala fruntiera importanti bejn iż-żewġ pajjiżi, speċjalment għall-Korea t'Isfel għal raġunijiet ekonomiċi, politiċi u militari.
Il-gżira "ffurmat mill-iżbroffar ta' vulkan taħt wiċċ il-baħar bejn wieħed u ieħor xi żewġ miljun sena ilu".[3] Fiha Sit ta' Wirt Dinji naturali tal-UNESCO, magħruf bħala l-Gżira Vulkanika ta' Jeju u t-Tubi tal-Lava.[4][5] Il-Gżira ta' Jeju għandha klima miti u moderata; anke fix-xitwa, it-temperatura qajla tinżel taħt iż-0 °C. Il-Gżira ta' Jeju hija destinazzjoni popolari għall-btajjel u porzjon imdaqqas tal-ekonomija tagħha jserraħ fuq it-turiżmu kif ukoll l-attività ekonomika mill-bażi navali/ċivili tagħha.