arċipelagu fl-Oċean Atlantiku tan-Nofsinhar u Territorju Extra-Ewropew Brittaniku From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Gżejjer Falkland (jew Islas Malvinas bl-Ispanjol) huma arċipelagu fl-Oċean Atlantiku tan-Nofsinhar fuq il-Pjattaforma tal-Patagonja. Il-gżejjer prinċipali jinsabu madwar 483 kilometru fil-Lvant tal-kosta tan-Nofsinhar tal-Patagonja fl-Amerka t’Isfel u madwar 1,210 kilometru mit-Tramuntana tal-Peniżola tal-Antartika, f’latitudni ta’ xi 52°S. L-arċipelagu, b’erja ta’ 12,000 kilometru kwadrat, huwa magħmul mill-Falkland tal-Lvant, mill-Falkland tal-Punent, u minn 776 gżira minuri. Bħala territorju extra-Ewropew Brittaniku, il-Gżejjer Falkland għandhom governanza awtonoma interna, u r-Renju Unit huwa responsabbli mid-difiża u mill-affarijiet barranin. Il-belt kapitali tal-Gżejjer Falkland hija Stanley fuq il-gżira tal-Falkland tal-Lvant.
Hemm kontroversja dwar l-iskoperta u l-kolonjaliżmu sussegwenti tal-Gżejjer Falkland mill-Ewropej. Tul iż-żminijiet, il-gżejjer kellhom insedjamenti Franċiżi, Brittaniċi, Spanjoli u Arġentini. Il-Gran Brittanja ħadet ir-riedni f’idejha fl-1833, iżda l-Arġentina baqgħet issostni li l-gżejjer huma tagħha. F’April 1982, il-forzi militari Arġentini invadew il-gżejjer. L-amministrazzjoni Brittanika reġgħet ħakmet il-gżejjer xahrejn wara lejn tmiem il-Gwerra tal-Gżejjer Falkland. Kważi kull abitant tal-Gżejjer Falkland huwa favur li l-arċipelagu jibqa’ territorju extra-Ewropew Brittaniku. Is-sovranità tal-arċipelagu għadha kwistjoni taħraq li għadha għaddejja bejn l-Arġentina u r-Renju Unit.
Il-popolazzjoni tal-Gżejjer Falkland (3,398 abitant fl-2016)[1] hija magħmula l-iktar minn abitanti li twieldu proprju fl-arċipelagu, il-biċċa l-kbira minnhom ta’ dixxendenza Brittanika. Fost l-etniċitajiet l-oħra hemm id-dixxendenza Franċiża, minn Ġibiltà, u Skandinava. L-immigrazzjoni mir-Renju Unit, mill-gżira Saint Helena fl-Atlantiku tan-Nofsinhar, u miċ-Ċilì għamlet tajjeb għad-deklin fil-popolazzjoni. Il-lingwa predominanti u uffiċjali hija l-Ingliż. Skont l-Att dwar in-Nazzjonalità Brittanika (tal-Gżejjer Falklands) tal-1983, l-abitanti tal-Gżejjer Falkland huma ċittadini Brittaniċi.
L-arċipelagu jinsab fil-konfini taż-żoni oċeaniċi u klimatiċi subantartiċi tat-tundra, u fuq iż-żewġ gżejjer ewlenin hemm ktajjen muntanjużi li jilħqu s-700 metru. Fuqhom joqogħdu popolazzjonijiet kbar ta’ għasafar, għalkemm ħafna minnhom ma għadhomx jitgħammru hemm minħabba diversi speċijiet predaturi li ġew introdotti. Fost l-attivitajiet ekonomiċi ewlenin hemm is-sajd, it-turiżmu u t-trobbija tan-nagħaġ, b’enfasi fuq l-esportazzjoni tas-suf ta’ kwalità għolja. L-esplorazzjoni għaż-żejt, liċenzjata mill-Gvern tal-Gżejjer Falkland, għadha kontroversjali minħabba t-tilwim marittimu mal-Arġentina.
Isem il-Gżejjer Falkland ġej mill-Istrett tal-Falkland, li jissepara iż-żewġ gżejjer ewlenin.[2] L-isem “Falkland” ingħata lill-istrett minn John Strong, kaptan ta’ spedizzjoni tal-Ingliżi li żbarkaw fuq il-gżejjer fl-1690. Strong semma l-istrett f’ġieħ Anthony Cary, il-ħames Viskonti ta’ Falkland u t-Teżorier tal-Flotta Navali li ħallaslu l-ispedizzjoni. It-titlu tal-Viskonti joriġina mill-belt ta’ Falkland fl-Iskozja. Isem din il-belt x’aktarx li ġej mit-terminu lann bil-Gaeliku Skoċċiż li jfisser ‘għeluq tal-artijiet’. Skont ir-riċerkatur Simon Taylor, l-etimoloġija Gaelika eżatta mhijiex ċara peress li falk fl-isem setgħet kienet tirreferi għal ‘moħbi’ (falach), ‘ħasla’ (failc), jew ‘xita qliel’ (falc).[3] Madankollu, hemm ukoll il-possibbiltà inqas plawżibbli li l-isem ġej mit-terminu Anglo-Sassonu folkland li jfisser ‘art bi tradizzjoni popolari’.[4] Isem il-Gżejjer Falkland ingħata lill-gżejjer fl-1765, meta l-kaptan Brittaniku John Byron tal-Flotta Navali Rjali ħakimhom għar-Re Ġorġ III.[5]
L-isem tal-arċipelagu bl-Ispanjol, Islas Malvinas, joriġina mill-Franċiż Îles Malouines, li huwa l-isem li ngħata lill-gżejjer mill-esploratur Franċiż Louis-Antoine de Bougainville fl-1764.[6] Bougainville, li kien il-fundatur tal-ewwel insedjament tal-gżejjer, semma ż-żona wara l-port ta’ Saint-Malo (il-punt ta’ tluq għall-bastimenti u għall-kolonjalisti tiegħu).[7] Il-port, li jinsab fir-reġjun tal-Brittanja fil-Punent ta’ Franza, issemma wara San Malo (jew Maclou), l-evanġelista Kristjan u fundatur tal-belt.[8]
Fl-għoxrin sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Raba’ Kumitat iddikjara li, bil-lingwi kollha ħlief bl-Ispanjol, id-dokumentazzjoni kollha tan-NU kellha tiddeżinja t-territorju bħala the Fourth Committee determined that, in all languages other than Spanish, all UN documentation would designate the territory as Gżejjer Falkland (Malvinas). Bl-Ispanjol, it-territorju ġie ddeżinjat bħala Islas Malvinas (Falkland Islands).[9] In-nomenklatura użata min-Nazzjonijiet Uniti għal skopijiet ta’ pproċessar statistiku hija Gżejjer Falkland (Malvinas).[10]
Minkejja li l-abitanti ta’ Tierra del Fuego mill-Patagonja jaf żaru l-Gżejjer Falkland fi żminijiet preistoriċi,[11] ħadd ma kien jgħix fuq il-gżejjer meta skoprewhom l-Ewropej.[12] Jingħad li l-iskoperta tagħhom saret qabel fis-seklu 16, iżda ma hemmx konsensus dwar jekk l-esploraturi bikrin skoprewx tassew il-Gżejjer Falkland jew xi gżejjer oħra fl-Atlantiku tan-Nofsinhar.[13][14] Ma hemmx dubju li l-ewwel żbark fuq il-gżejjer sar mill-kaptan Ingliż John Strong, li fir-rotta tiegħu lejn il-Perù u ċ-Ċilì fl-1690, skopra l-Istrett tal-Falkland u lemaħ l-ilmijiet u l-fawna tal-gżejjer.[15]
Il-Gżejjer Falkland baqgħu bla abitanti sal-istabbiliment ta’ Port Louis fuq il-Falkland tal-Lvant fl-1764 mill-kaptan Franċiż Louis Antoine de Bougainville u sal-istabbiliment ta’ Port Egmont fuq il-Gżira Saunders fl-1766 mill-kaptan Brittaniku John MacBride.[16] L-istoriċi ma jaqblux bejniethom jekk iż-żewġ insedjamenti kinux jafu b’xulxin.[17] Fl-1766, Franza ċediet il-Gżejjer Falkland lil Spanja, li s-sena ta’ wara semmew il-kolonja Franċiża Puerto Soledad. Il-problemi bdew jitfaċċaw meta Spanja skopriet u ħakmet Port Egmont fl-1770. Il-gwerra ġiet evitata bi żbrixx meta l-port ingħata lill-Gran Brittanja fl-1771.[18]
Iż-żewġ insedjamenti Brittaniċi u Spanjoli eżistew flimkien fl-arċipelagu sal-1774, meta l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u strateġiċi ġodda tal-Gran Brittanja wassluha biex tirtira mill-gżejjer b’mod volontarju. Tħalliet biss plakka li tgħid li l-Gżejjer Falkland ġew maħkuma għar-Re Ġorġ III.[19] Il-Viċire (il-mexxej tal-kolonja fil-post minflok ir-Re ta’ Spanja) ta’ Río de la Plata sar l-unika preżenza governattiva fit-territorju. Il-gżira tal-Falkland tal-Punent baqgħet abbandunata, u Puerto Soledad saret kamp tal-priġunija. F’nofs l-invażjonijiet Brittaniċi ta’ Río de la Plata waqt il-Gwerer Napoleoniċi fl-Ewropa, il-gvernatur tal-gżejjer evakwa l-arċipelagu fl-1806; u l-bqija tal-gwarniġjon kolonjali ta’ Spanja għamel l-istess fl-1811, għajr għall-gauchos u għas-sajjieda li baqgħu hemm volontarjament.[20]
Minn dak iż-żmien ’il quddiem, l-arċipelagu żaruh biss dgħajjes tas-sajd; l-istatus politiku tiegħu ma ħoloqx problemi sal-1820, meta l-Kurunell Amerikan David Jewett li kien qed jaħdem għall-Provinċji Uniti ta’ Río de la Plata, informa lill-bastimenti ankrati li l-Arġentina fl-1816 kienet sostniet li t-territorji Spanjoli fl-Atlantiku tan-Nofsinhar kienu tagħha.[21] Ladarba fuq il-gżejjer ma kienx hemm abitanti permanenti, fl-1823 l-Arġentina ippermettiet lill-merkant imwieled il-Ġermanja, Luis Vernet, iwettaq attivitajiet tas-sajd u jisfrutta l-bhejjem selvaġġi fl-arċipelagu.[22] Vernet insedja l-fdalijiet ta’ Puerto Soledad fl-1826, u wara li akkumula r-riżorsi tal-gżejjer u li ra li kien wasal iż-żmien, ġab iktar insedjaturi u fforma kolonja permanenti.[23] Fl-1829, l-Arġentina għamlet lil Vernet kmandant militari u ċivili tal-gżejjer, u hu pprova jirregola l-kaċċa tal-foki sabiex itemm l-attivitajiet barranin tal-kaċċa tal-balieni u tal-foki.[24] It-tmexxija ta’ Vernet damet sa tilwima li feġġet rigward id-drittijiet tas-sajd u tal-kaċċa u li wasslet għal attakk mill-bastiment tal-gwerra Amerikan USS Lexington fl-1831,[25] meta l-kmandant tal-Flotta Navali tal-Istati Uniti, Silas Duncan, iddikjara x-xoljiment tal-gvern tal-gżira.[26]
L-Arġentina ppruvat tibqa’ influwenti fir-rigward tal-insedjament billi stabbiliet gwarniġjon, iżda fl-1832 kien hemm ribelljoni li s-sena ta’ wara ġiet segwita mill-wasla tal-forzi Brittaniċi li stabbilew il-ħakma Brittanika mill-ġdid.[27] Il-Konfederazzjoni Arġentina, immexxija mill-Gvernatur Arġentin Juan Manuel de Rosas, ipprotestat kontra l-azzjonijiet tal-Gran Brittanja,[28] u minn dak iż-żmien ’l hawn il-gvernijiet Arġentini komplew jirreġistraw protesti uffiċjali kontra l-Gran Brittanja.[29] It-truppi Brittaniċi telqu wara li lestew il-missjoni tagħhom, u ħallew il-gżejjer mingħajr gvern formali.[30] Il-viċi ta’ Vernet, l-Iskoċċiż Matthew Brisbane, reġa’ lura lejn il-gżejjer dik is-sena biex ikompla fejn ħalla Vernet, iżda l-isforzi tiegħu sfaw fix-xejn, wara li f’nofs irvell f’Port Louis, il-gaucho Antonio Rivero qabbad grupp ta’ individwi biex joqtlu lil Brisbane u lill-mexxejja ewlenin tal-insedjament; dawk li baqgħu ħajjin inħbew f’għar fi gżira viċin sar-ritorn tal-Brittaniċi. Fl-1840, il-Gżejjer Falkland saru kolonja tal-Gran Brittanja u sussegwentement l-insedjaturi Skoċċiżi stabbilew komunità uffiċjali ta’ rgħajja.[31] Erba’ snin wara, kważi kulħadd ittrasferixxa ruħu f’Port Jackson, li kien ikkunsidrat post aħjar għall-gvern, u l-merkant Samuel Lafone beda jagħmel ħiltu biex iħeġġeġ il-kolonjalizzazzjoni Brittanika.[32]
Stanley, kif issemma Port Jackson ftit wara, saret is-sede uffiċjali tal-gvern fl-1845.[33] Fl-istadju bikri tal-istorja tagħha, Stanley kellha reputazzjoni negattiva minħabba t-telf ta’ merkanzija fit-tbaħħir; tant li l-vapuri li kienu qed ibaħħru minn naħa għall-oħra ta’ Cape Horn kienu jieqfu fil-port f’każ ta’ emerġenza biss. Minkejja dan, il-pożizzjoni ġeografika tal-Gżejjer Falkland kienet ideali għat-tiswija tal-bastimenti u għall-kummerċ tal-fdalijiet ta’ valur mill-bastimenti mkissrin jew bi ħsarat kbar. Apparti dan il-kummerċ, ma tantx kien hemm interess kummerċjali fl-arċipelagu minħabba l-valur baxx tal-ġlud tal-bhejjem selvaġġi fil-mergħat. It-tkabbir ekonomiku beda biss wara li twaqqfet il-Falkland Islands Company, li fl-1851 xtrat l-impriża ta’ Lafone li kienet qed tfalli, li rnexxielha tintroduċi n-nagħaġ tar-razza Cheviot għas-suf, u li xprunat lil bdiewa oħra jrabbu dawn in-nagħaġ.[34] Minħabba l-ispiża għalja biex jiġu importati l-materjali, flimkien man-nuqqas ta’ ħaddiema u b’konsegwenza ta’ hekk il-pagi għoljin, il-kummerċ tat-tiswija tal-bastimenti ma baqax kompetittiv. Wara l-1870, dan il-kummerċ qabad it-triq tan-niżla hekk kif is-sostituzzjoni tal-bastimenti bil-qlugħ bil-bastimenti li jaħdmu bl-istim ġiet aċċellerata minħabba l-prezz baxx tal-faħam fl-Amerka t’Isfel. Fl-1914, bil-ftuħ tal-Kanal ta’ Panama, dan il-kummerċ intemm għalkollox.[35] Fl-1881, il-Gżejjer Falkland saru indipendenti finanzjarjament mill-Gran Brittanja. Għal iktar minn seklu, il-Falkland Islands Company iddominat il-kummerċ u x-xogħol fl-arċipelagu. Barra minn hekk, il-kumpanija kienet sid il-biċċa l-kbira tal-proprjetajiet fi Stanley, u dan kien ta’ benefiċċju kbir għall-kummerċ tas-suf fir-Renju Unit.
Fl-ewwel nofs tas-seklu 20, il-Gżejjer Falkland qdew rwol importanti fil-konkwisti territorjali ta’ gżejjer subantartiċi u ta’ parti tal-Antartika min-naħa tal-Gran Brittanja. Il-governanza ta’ dawn it-territorji mill-Gżejjer Falkland bħala Dipendenzi tal-Gżejjer Falkland bdiet fl-1908 u kompliet sax-xoljiment tagħhom fl-1985.[36] Il-Gżejjer Falkland kellhom rwol minuri wkoll fiż-żewġ Gwerer Dinjin bħala bażi militari għall-kontroll tal-Atlantiku tan-Nofsinhar. Fil-Battalja tal-Gżejjer Falkland tal-Ewwel Gwerra Dinjija f’Diċembru 1914, flotta tal-Flotta Navali Rjali rebħet kontra skwadra navali Imperjali Ġermaniża. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, wara l-Battalja ta’ Río de la Plata f’Diċembru 1939, l-HMS Exeter ġarrbet ħsarat fil-battalja u baħħret lejn il-Gżejjer Falkland għat-tiswijiet. Fl-1942, battaljun fir-rotta lejn l-Indja ġie skjerat fil-Gżejjer Falkland bħala gwarniġjon, minkejja l-biża’ li l-Ġappun seta’ jaħtaf l-arċipelagu. Wara li l-gwerra ntemmet, l-ekonomija tal-Gżejjer Falkland ġiet affettwata minn deklin fil-prezzijiet tas-suf u mill-inċertezza politika li rriżultat mit-tilwim imġedded rigward is-sovranità bejn ir-Renju Unit u l-Arġentina.[37]
It-tensjoni bejn ir-Renju Unit u l-Arġentina kompliet tbaqbaq iktar matul it-tieni nofs tas-seklu, meta l-President Arġentin Juan Perón afferma s-sovranità fir-rigward tal-arċipelagu.[38] It-tilwim rigward is-sovranità intensifika matul is-Sittinijiet tas-seklu 20, ftit wara li n-Nazzjonijiet Uniti għaddew riżoluzzjoni dwar id-dekolonjalizzazzjoni li l-Arġentina interpretat bħala favorevoli għall-pożizzjoni tagħha. Fl-1965, l-Assemblea Ġenerali tan-NU għaddiet ir-Riżoluzzjoni 2065, fejn appellat biex iż-żewġ stati jwettqu negozjati bilaterali biex jilħqu soluzzjoni paċifika.[39] Mill-1966 sal-1968, ir-Renju Unit iddiskuta b’mod kunfidenzjali mal-Arġentina dwar it-trasferiment tal-Gżejjer Falkland, filwaqt li assuma li dan kien se jiġi aċċettat mill-abitanti tal-gżejjer.[40] Fl-1971 intlaħaq ftehim dwar ir-rabtiet kummerċjali bejn l-arċipelagu u l-art kontinentali, u b’konsegwenza ta’ dan fl-1972 l-Arġentina bniet mitjar temporanju fi Stanley. Minkejja dan, l-opinjoni kuntrarja tal-abitanti tal-Gżejjer Falkland, espressa f’isimhom mir-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament tar-Renju Unit, u t-tensjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-Arġentina, effettivament limitaw in-negozjati dwar is-sovranità sal-1977.[41]
Fid-dawl ta’ tħassib dwar l-ispiża taż-żamma tal-Gżejjer Falkland fi żmien ta’ tnaqqis baġitarju, ir-Renju Unit reġa’ kkunsidra t-trasferiment tas-sovranità lill-Arġentina fl-istadju bikri tal-gvern ta’ Thatcher.[42] It-taħditiet sostantivi dwar is-sovranità ntemmew mill-ġdid fl-1981, u maż-żmien it-tilwim beda jeskala.[43] F’April 1982, faqqgħet il-Gwerra tal-Gżejjer Falkland, meta l-forzi militari Arġentini invadew il-Gżejjer Falkland u territorji Brittaniċi oħra fl-Atlantiku tan-Nofsinhar, u okkupawhom sa Ġunju, meta spedizzjoni tar-Renju Unit reġgħet ħadet it-territorji f’idejha.[44] Wara l-gwerra, ir-Renju Unit żied il-preżenza militari tiegħu, bena l-istazzjon tal-Forza tal-Ajru Rjali RAF Mount Pleasant, u żied id-daqs tal-gwarniġjon tiegħu.[45] Il-gwerra ħalliet warajha xi 117-il roqgħa art bi kważi 20,000 mina tal-art, bħal ngħidu aħna mini kontra l-vetturi kif ukoll mini kontra l-persunal. Minħabba l-għadd kbir ta’ mwiet jew midruba minħabba l-operazzjonijiet ta’ tneħħija tal-mini tal-art, it-tentattivi inizjali biex il-mini tal-art jitneħħew waqfu fl-1983.[46] Dawn komplew fl-2009 u tlestew f’Ottubru 2020.[47]
Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet ta’ Lord Shackleton, il-Gżejjer Falkland iddiversifikaw mit-trobbija unika tan-nagħaġ f’ekonomija tat-turiżmu u, bl-istabbiliment taż-Żona Ekonomika Esklużiva tal-Gżejjer Falklands, tas-sajd.[48] In-network tat-toroq sar iktar estensiv, u l-kostruzzjoni tal-RAF Mount Pleasant ippermettiet il-wasla ta’ titjiriet minn distanzi kbar. Barra minn hekk, bdiet ukoll l-esplorazzjoni għaż-żejt, b’indikazzjonijiet tal-possibbiltà ta’ depożiti sfruttabbli kummerċjalment f’qiegħ il-baħar.[49] Permezz tax-xogħol tat-tneħħija tal-mini tal-art li reġa’ beda fl-2009, f’konformità mal-obbligi tar-Renju Unit skont it-Trattat ta’ Ottawa, Sapper Hill Corral, post militari storiku importanti għall-gżejjer, ġie ddikjarat ħieles mill-mini tal-art fl-2012, u dan ippermetta l-aċċess għall-ewwel darba wara 30 sena.[50][51] L-Arġentina u r-Renju Unit reġgħu stabbilew relazzjonijiet diplomatiċi fl-1990, għalkemm dawn ir-relazzjonijiet iddeterjoraw minn dak iż-żmien ’l hawn peress li ma ntlaħaqx qbil rigward it-termini tad-diskussjonijiet futuri dwar is-sovranità.[52] It-tilwim bejn il-gvernijiet wassal saħansitra biex xi analisti jbassru żieda fil-kunflitt ta’ interess bejn l-Arġentina u r-Renju Unit ... minħabba l-espansjoni reċenti tal-industrija tas-sajd fl-ilmijiet tal-Gżejjer Falkland”.[53]
Id-Dipendenzi tal-Gżejjer Falkland kien l-arranġament kostituzzjonali mill-1843 sal-1985 għall-amministrazzjoni tad-diversi territorji Brittaniċi fis-Sub-Antartika u l-Antartika li kienu rregolati mill-Gżejjer Falkland u l-kapitali tagħha Stanley.
Dawn li ġejjin huma t-territorji Brittaniċi li kienu jiffurmaw id-Dipendenzi tal-Gżira Falkland fil-perjodu bejn l-1917 u l-1962.
Ġeorġja t'Isfel Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar Gżejjer Orkney tan-Nofsinhar Il-Gżejjer Shetland tan-Nofsinhar Art Graham Peniżola Antartika Fl-1962 it-Territorju Antartiku Brittaniku ġie ffurmat wara s-Sistema tat-Trattat Antartiku li taffettwa talbiet fin-Nofsinhar tal-latitudni 60°S, u ħalla biss il-Ġeorġja t'Isfel u l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar bħala Dipendenzi tal-Gżejjer Falkland bejn l-1962 u l-1985.
Il-ftehimiet ġew l-ewwel promulgati mill-British Charters Patent tal-1843 u sussegwentement riveduti fl-1876, 1892, 1908, 1917 u 1962. Għal raġunijiet ta' konvenjenza prattika, id-Dipendenzi kienu rregolati mill-Gran Brittanja permezz tal-Gvern tal-Gżejjer Falkland. Madankollu, kienu jikkostitwixxu entità distinta li ma kinitx parti mill-Gżejjer Falkland f'aspetti politiċi jew finanzjarji.
Il-firxa territorjali tad-Dipendenzi varjat hekk kif territorji partikolari ġew mitluba, annessi u sfruttati kummerċjalment fuq perjodu ta 'żmien estensiv li beda mill-Ġeorġja t'Isfel fl-1775. Bi tweġiba għal mistoqsijiet ripetuti mill-Gvern tan-Norveġja fl-1905-1907, il-Gran Brittanja kkonfermat li ż-żoni inkwistjoni (bejn 35° u 80° lonġitudni tal-punent) kienu Brittaniċi bbażati fuq skoperti u ħarġu l-Ittri Privattivi tal-1908 li testendi d-Dipendenzi biex jinkorporaw il-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar u l-kontinent Antartiku (Graham Land), b’amministrazzjoni lokali permanenti fi Grytviken, Nofsinhar. Ġeorġja, stabbilita fl-1909.
It-territorji li kienu jikkostitwixxu d-Dipendenzi tal-Gżejjer Falkland fl-1908 kienu elenkati fl-Ittri Patent bħala "il-gruppi ta' gżejjer magħrufa bħala South Georgia, South Orkneys, South Shetlands u Sandwich Islands, u t-territorju magħruf bħala Graham Land, li jinsab fil- Nofsinhar tal-Oċean Atlantiku, fin-nofsinhar tal-50 parallel latitudni tan-nofsinhar u bejn l-20 u t-80 grad lonġitudni tal-punent." Fl-1917, l-Ittri Patent ġew modifikati, bl-applikazzjoni tal-"prinċipju settorjali" użat fl-Artiku; L-ambitu l-ġdid tad-Dipendenzi ġie estiż biex jinkludi "il-gżejjer u t-territorji kollha bejn 20 grad lonġitudni tal-punent u 50 grad lonġitudni tal-punent li jinsabu fin-nofsinhar tal-50 latitudni parallela tan-nofsinhar; u l-gżejjer u t-territorji kollha bejn 50° lonġitudni tal-punent u 80° lonġitudni tal-punent, li jinsabu fin-nofsinhar tat-58 parallel tal-latitudni tan-Nofsinhar”, u b’hekk jilħqu l-Pol t'Isfel.
Bl-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Komunitajiet Ewropej fl-1973, id-Dipendenzi tal-Gżejjer Falkland saru wieħed mill-pajjiżi u territorji barranin tal-UE taħt it-Trattat ta 'Ruma, status miżmum mit-trattati sussegwenti kollha tal-UE. Dak l-status ta' assoċjazzjoni bħalissa jgawdi s-suċċessuri tad-Dipendenzi: il-Ġeorġja t'Isfel u l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar u t-Territorju Antartiku Brittaniku.
Ir-reġim legali internazzjonali ġdid introdott fit-territorju Antartiku fin-Nofsinhar ta' 60° latitudni tan-nofsinhar mit-Trattat tal-Antartiku tal-1961 wassal lill-Gran Brittanja biex tissepara l-parti tad-Dipendenzi li kienu soġġetti għat-Trattat. Dan sar b’Ordni fil-Kunsill tal-1962 li stabbilixxiet it-Territorju Antartiku Brittaniku, u ħalliet fid-Dipendenzi biss il-gruppi ta' gżejjer ta' South Georgia u South Sandwich Islands, inklużi Shag Rocks u Clerke Rocks.
F'Novembru 1976, il-forzi armati Arġentini żbarkaw u okkupaw il-Gżejjer Thule t'Isfel diżabitati, ġabra tat-tliet gżejjer l-aktar fin-nofsinhar tal-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar. Fid-19 ta' Marzu, 1982, grupp ta' ħaddiema ċivili tal-metall skreppjat mill-Arġentina waslu f'Leith Harbour, South Georgia, abbord il-vapur tat-trasport ARA Bahía Buen Suceso u għollew il-bandiera Arġentina. Il-ħaddiema tal-metall skreppjat kienu ġew infiltrati minn baħrin Arġentini li jippreżentaw bħala xjenzati ċivili. Wara l-invażjoni Arġentina tal-Gżejjer Falkland, li bdiet il-Gwerra tal-Falklands, il-forzi navali Arġentini ħadu l-kontroll tal-kosta tal-lvant ta' South Georgia wara li għelbu grupp żgħir ta' Royal Marines fi Grytviken fit-3 ta' April, 1982.
Fit-22 ta' April, 1982, it-task force Ingliża laħqet l-ilmijiet tal-Falklands u tlett ijiem wara, it-truppi Ingliżi reġgħu ħatfu l-Ġeorġja t’Isfel. [10] Fl-14 ta' Ġunju, il-forzi Arġentini ċedew fil-Gżejjer Falkland; Fl-20 ta' Ġunju, il-forzi Brittaniċi reġgħu ħadu l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar (li kienu jinvolvu l-aċċettazzjoni tal-konsenja tal-Garnizon ta' South Thule fil-bażi ta' Corbeta Urugwaj).
Fl-1985, id-Dipendenzi saru t-Territorju Barrani Brittaniku distint mit-Territorju Antartiku Brittaniku, il-Gżejjer Falkland u l-Ġeorġja t'Isfel u l-Gżejjer Sandwich t'Isfel.
Status: Territorju Barrani; Kapitali: stanley; Lingwi Komuni: Ingliż; Gvern: kolonja tal-kuruna; Monarka: Victoria (l-ewwel) (1843–1901), Eliżabetta II (l-aħħar) (1952–1985); Gvernatur: Richard Moody (l-ewwel) (1843–1848), Sir Rex Hunt (l-aħħar) (1980–1985); Leġiżlatura: Kunsill Leġiżlattiv; Storja: 1843-Imwaqqfa, Reconquista Arġentina-2 ta 'April, 1982, Reconquista Brittanika-14 ta' Ġunju, 1982, 1985-Xoljiment; Munita: Lira tal-Gżejjer Falkland.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.