![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/4/4d/ElephantaCaves4.jpg/640px-ElephantaCaves4.jpg&w=640&q=50)
Għerien ta' Elephanta
għerien-tempji ddedikati l-iktar lil Xiva u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fi gżira qrib il-port ta' Mumbai / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Għerien ta' Elephanta huma ġabra ta' għerien-tempji li b'mod ġenerali huma ddedikati lill-alla Xiva tal-Induiżmu, li ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Dawn jinsabu fil-Gżira ta' Elephanta jew Gharapuri (li litteralment tfisser "il-belt tal-għerien"), fil-Port ta' Mumbai, 10 kilometri (6.2 mili) fil-Lvant ta' Mumbai fl-istat Indjan ta' Mahārāshtra. Il-gżira, li tinsab madwar żewġ kilometri (1.2 mil) fil-Punent tal-Port ta' Jawaharlal Nehru, tikkonsisti minn ħames għerien tal-Induiżmu, ftit fdalijiet ta' stupi Buddisti li jmorru lura għas-seklu 2 Q.K., u żewġ għerien Buddisti bil-ġibjuni tal-ilma.
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/4/4d/ElephantaCaves4.jpg/640px-ElephantaCaves4.jpg)
L-Għerien ta' Elephanta fihom skulturi tal-ġebel imnaqqxin fil-blat, l-iktar f'riljiev għoli, li juru s-sinkretiżmu tal-ideat u tal-ikonografija Induista u Buddista. L-għerien tħaffru fil-blat mastizz tal-bażalt. Għajr għal xi ftit eċċezzjonijiet, il-biċċa l-kbira tal-opri tal-arti ġarrbu ħsarat u ġew vandalizzati. L-orjentazzjoni tat-tempju prinċipali kif ukoll il-post relattiv tat-tempji l-oħra nbnew f'mudell ta' mandala. It-tinqix jirrakkontaw il-mitoloġiji tal-Induiżmu, permezz tat-Trimurti Sadaxiva (Xiva bi tliet uċuħ) monolitiku kbir 5.45 metri (17.9-il pied), tan-Nataraġa (id-Divinità taż-Żfin) u tal-Jogixvara (id-Divinità tal-Joga) li huma l-iktar famużi.
Dawn imorru lura għal bejn is-sekli 5 u 9, u l-istudjużi jattribwuhom lil diversi dinastiji Induisti. Normalment jiġu kkollokati l-iktar bejn is-sekli 5 u 7. Bosta studjużi jqisu li kienu tlestew sal-ħabta tal-550 W.K.
Kienu ngħataw l-isem ta' Elefante – li sar Elephanta – mill-Portugiżi kolonjali li sabu statwi ta' iljunfanti fl-għerien. Huma stabbilew bażi fuq il-gżira. L-għar prinċipali (l-Għar 1 jew l-Għar il-Kbir) kien post ta' qima tal-Induiżmu sal-wasla tal-Portugiżi, meta mbagħad il-gżira ma baqgħetx tintuża bħala post ta' qima attiva. L-iżjed tentattivi bikrin li jiġi evitat li tkompli ssir iktar ħsara lill-għerien inbdew mill-uffiċjali Brittaniċi fl-Indja fl-1909. Il-monumenti ġew irrestawrati fis-snin 70 tas-seklu 20 u attwalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (ASI).