kompożitur u surmast Awstrijakk From Wikipedia, the free encyclopedia
Franz von Suppé, imwieled Francesco Ezechiele Ermenegildo de Suppé (twieled fit-18 ta' April 1819 – miet fil-21 ta' Mejju 1895) kien kompożitur Awstrijakk tal-opri ħfief u ta' mużika teatrali oħra. Huwa kien mir-Renju tad-Dalmazja, fl-Imperu tal-Awstrija-Ungerija (issa parti mill-Kroazja). Huwa kien kompożitur u surmast tal-perjodu Romantiku u huwa magħruf l-iktar għall-erba' tużżani operetti. Uħud minnhom għadhom parti mir-repertorju, b'mod partikolari fil-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż, u huwa kkompona kwantità sostanzjali ta' mużika tal-knisja, iżda issa baqa' magħruf l-iktar għall-overtures tiegħu, li huma popolari fis-swali tal-kunċerti u fir-reġistrazzjonijiet. Fost l-iżjed magħrufa huma Poeta u Raħħal, Kavallerija Ħafifa, Filgħodu, Waranofsinhar u Billejl fi Vjenna u Pique Dame.
Franz von Suppé | |
---|---|
Ħajja | |
Isem propju | Francesco Ezechiele Ermenegildo Cavaliere Suppè-Demelli |
Twelid | Split, Kroazja, 18 April 1819 |
Nazzjonalità | Awstrija-Ungerija |
Mewt | Vjenna, 21 Mejju 1895 |
Post tad-dfin | Ċimiterju Ċentrali ta' Vjenna |
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (kanċer) |
Familja | |
Missier | Pietro Giuseppe Suppè |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università tal-mużika u l-arti interpretattivi ta' Vjenna |
Lingwi | Ġermaniż |
Għalliema |
Ignaz von Seyfried (en) Giuseppe Ferrari (en) |
Studenti | |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
kompożitur surmast tal-orkestra |
Xogħlijiet importanti |
Fatinitza (en) Leichte Kavallerie (en) |
Moviment artistiku | opra |
Il-ġenituri ta' Suppé tawh l-isem ta' Francesco Ezechiele Ermenegildo meta twieled fit-18 ta' April 1819 fi Spalato, issa Split, id-Dalmazja, il-Kroazja.[1] Missieru – bħal missieru qablu – kien jaħdem maċ-ċivil fis-servizz tal-Imperu Awstrijakk.[2] Omm Suppé twieldet fi Vjenna.
Il-fatti dwar il-ħajja bikrija ta' Suppé huma kkontestati. Kemm matul ħajtu kif ukoll wara mewtu diversi stqarrijiet bla bażi ċċirkolaw dwar l-isfond tiegħu. L-ewwel edizzjoni tad-Dizzjunarju ta' Grove dwar il-Mużika u l-Mużiċisti (1884) tistqarr bi żball li l-familja Suppé kellha dixxendenza Belġjana, li Suppé twieled fl-1820 abbord vapur fi Spalato, u li ismu sħiħ kien Francesco Ezechiele Ermenegildo Cavaliere Suppe Demelli. Informazzjoni żbaljata oħra tingħata f'bijografija tal-1905 ta' Suppé magħmula minn Otto Keller, ir-raġel ta' waħda min-neputijiet tal-kompożitur, abbażi ta' stqarrijiet mhux affidabbli tal-armla ta' Suppé.
Suppé qatta' tfulitu f'Zara, issa Zadar, fejn attenda l-ewwel lezzjonijiet tal-mużika tiegħu u beda jikkomponi ta' età bikrija. Meta kien għadu tifel ġie mħeġġeġ ikompli l-mużika minn kap ta' banda lokali u mill-kap tal-kor tal-Katidral ta' Zara. Bħala adolexxenti f'Zara, Suppé studja l-flawt u l-armonika. Skont xi rendikonti, missieru riedu jsir avukat, u bagħtu jistudja Padova, l-Italja fejn jingħad li żar Milan u ltaqa' ma' Rossini, Donizetti u Verdi u attenda spettakli tal-opri tagħhom. Skont rendikont ieħor, huwa studja l-filosofija f'Padova u iktar 'il quddiem studja d-dritt fi Vjenna.
Wara li missier Suppé miet fl-1835, il-familja marret tgħix fi Vjenna, fejn Suppé studja l-mużika taħt Ignaz von Seyfried, student ta' Mozart. Suppé daqq il-flawt f'diversi orkestri u għallem it-Taljan. Ilsien twelidu kien it-Taljan, u għalkemm tgħallem jitkellem sew bil-Ġermaniż, skont ġurnalist partikolari kien jitkellmu "b'aċċent Taljan qawwi". Fl-1837 u fl-1841 huwa kiteb żewġ opri, u l-ebda waħda minnhom ma ttellgħet fi spettaklu iżda t-tnejn li huma jaf kienu ġew influwenzati minn Donizetti, li allegatament kien jiġi mill-bogħod mill-familja Suppé.
Mill-1840 Suppé ħadem bħala kompożitur u surmast għal Franz Pokorny, id-direttur ta' diversi teatri fi Vjenna, Pressburg (issa Bratislava), Ödenburg (issa Sopron) u Baden bei Wien. F'Operetta: Storja Teatrali (1983), Richard Traubner kiteb li l-24 ta' Novembru 1860 titqies minn ħafna bħala "jum it-twelid tal-operetta Vjenniża reali", bil-produzzjoni ta' Das Pensionat ta' Suppé fit-Theater an der Wien. Iben Pokorny, Alois, li kien imexxi t-teatru, ma kellux biżżejjed flus biex jixtri d-drittijiet għall-ewwel produzzjonijiet Vjenniżi tal-opri ta' Offenbach, u minflok ippreżenta Das Pensionat, li skont l-istandards ta' dak iż-żmien, marret tajjeb ħafna: ittellgħet għal 20 lejla wara xulxin, u għal 34 darba matul is-sitt xhur li baqgħet fir-repertorju. Das Pensionat kienet l-ewwel operetta komposta abbażi ta' test Ġermaniż oriġinali, u kienet l-ewwel operetta li nstemgħet barra mill-pajjiż: kien hemm produzzjonijiet fil-Ġermanja u fl-Ungerija, u f'Novembru 1861 ittellgħet (bil-Ġermaniż) fl-iStadt Theater, New York.
L-ikbar suċċess b'att wieħed ta' Suppé, Die schöne Galathée (Il-Galatea Sabiħa), tmur lura għall-1865. Ġiet immudellata, skont il-kummenti ta' Traubner, kemm bħala titlu kif ukoll bħala stil, fuq La belle Hélène ta' Offenbach li kienet suċċess kbir fi Vjenna iktar kmieni dik is-sena. Ittellgħet kemm-il darba fil-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż, u ttellgħet bil-Ġermaniż u bi traduzzjoni bl-Ingliż fi New York u f'Londra. Għal xi snin Suppé ma kellux suċċess fit-tul fl-opri, u rpilja biss wara t-trijonf ta' Die Fledermaus ta' Johann Strauss fl-1874. Fatinitza (1876) kienet suċċess mal-kritika u bħala bejgħ, mhux biss fi Vjenna iżda anke f'Londra u f'Pariġi, għalkemm inqas fi New York, fejn inzertat mal-ewwel produzzjoni li kien hemm hemmhekk ta' H.M.S. Pinafore. Suppé qabeż is-suċċess ta' Fatinitza fl-1879 b'Boccaccio u kellu l-aħħar suċċess dejjiemi fl-1880 b'Donna Juanita. Traubner jikteb, "xejn wara Donna Juanita ma kellu dak is-suċċess fit-tul, għalkemm diversi opri kienu popolari ħafna fi żmienhom": Der Gascogner (Theater an der Wien, it-22 ta' Marzu 1881) kienet falliment kbir, iżda Die Afrikareise (Mawra lejn l-Afrika, Theater an der Wien, is-17 ta' Marzu 1883) ittellgħet għal xahar sħiħ, u kellha diversi produzzjonijiet, inkluż fl-Amerka b'Lillian Russell bħala protagonista, li damu għal ħames ġimgħat fl-1887.
Suppé kiteb il-mużika għal iktar minn mitt produzzjoni fit-Theater in der Josefstadt kif ukoll fil-Carltheater f'Leopoldstadt, fit-Theater an der Wien. Huwa ħadem ukoll fuq xi produzzjonijiet ewlenin tal-opri, bħall-produzzjoni tal-1846 ta' Les Huguenots ta' Meyerbeer b'Jenny Lind bħala protagonista.
Suppé żżewweġ darbtejn: l-ewwel lil Therese Merville, u wara mewtha fl-1865 lil Sofie Strasser. Huwa miet fi Vjenna fil-21 ta' Mejju 1895, tal-età ta' 76 sena.
Suppé kkompona madwar 30 operetta u 180 farsa, żfin, u spettakli oħra ta' fuq il-palk. Għalkemm uħud mill-overtures għadhom popolari, il-biċċa l-kbira tal-operetti tiegħu ntesew. Xi eċċezzjonijiet jinkludu Boccaccio, Die schöne Galathée u Fatinitza; Peter Branscombe, f'The New Grove Dictionary of Music and Musicians, jikkaratterizza l-kanzunetta ta' Suppé "O du mein Österreich" bħala t-"tieni kanzunetta nazzjonali tal-Awstrija".
Suppé żamm rabtiet mad-Dalmazja nattiva tiegħu, u ġieli kien iżur Split (Spalato), Zadar (Zara), u Šibenik. Uħud mix-xogħlijiet tiegħu huma marbuta mar-reġjun, b'mod partikolari l-operetta tiegħu Des Matrosen Heimkehr, li hija ambjentata fi Hvar. Wara li rtira bħala surmast, Suppé kompla jikteb xogħlijiet teatrali, iżda kulma jmur beda jinteressa ruħu iktar fil-mużika sagra. Huwa kiteb Mafkar għal Pokorny fl-1855; oratorio, Extremum Judicium; tliet quddisiet, fosthom il-Missa Dalmatica; kanzunetti; sinfoniji; u overtures għall-kunċerti. Meta l-Quddiesa tal-Mafkar ġiet ippubblikata fl-1997, kritiku semma li toħroġ fid-dieher l-ammirazzjoni ta' Suppé għar-Requiem ta' Mozart, "mill-għażla tat-tonalità (D minuri), il-konfigurazzjoni tal-moviment, u t-tiswir melodiku" sa kwotazzjoni diretta fis-sezzjoni tal-"Mors stupebit" tax-xogħol ta' Suppé mit-"Tuba mirum" minn "Lacrimosa" ta' Mozart. Ix-xogħol reġa' ngħata l-ħajja għall-ewwel spettaklu fiż-żminijiet moderni permezz tal-BBC Radio 3, b'xandira fil-5 ta' Lulju 1984. Wara l-mewt ta' Suppé, tletin kanzunetta mhux ippubblikata nstabu qalb id-dokumenti tiegħu, flimkien mal-partitura kważi kompluta ta' quddiesa oħra.
Il-mużikologu Robert Letellier jikteb li Suppé kellu ħakma eċċellenti ta' tliet stili: dak Taljan (opera buffa), dak Franċiż (opéra-comique) u dak Ġermaniż: "Huwa kien jaf kif joħloq fużjoni irreżistibbli tagħhom, megħjun mill-esperjenza rikka tiegħu bħala surmast tal-orkestra teatrali, u permezz ta' teknika sinfonika soda li oriġinat mit-taħriġ klassiku tiegħu". Letellier jikkummenta li l-overtures ta' Suppé kienu karatteristika ewlenija tax-xogħlijiet tal-opri tiegħu: "uħud kisbu popolarità enormi, u b'hekk kiseb fama dejjiema fis-swali tal-kunċerti ... Poeta u Raħħal u Kavallerija Ħafifa huma fost l-iżjed overtures famużi li qatt inkitbu". Magħhom, il-kritiku tal-mużika Andrew Lamb iżid bħala straordinarji fost l-overtures ta' Suppé: Ein Morgen, ein Mittag und ein Abend in Wien (Filgħodu, Waranofsinhar u Billejl fi Vjenna, 1844), Pique Dame (Reġina tal-Pali, 1862), Flotte Bursche (Studenti Brijużi, 1863), u Banditenstreiche (Ċajtiet tal-Ħallelin, 1867).
Hemm bosta reġistrazzjonijiet tal-overtures ta' Suppé fuq diska, iżda ftit tax-xogħlijiet tiegħu ta' fuq il-palk. Reġistrazzjoni kompluta ta' Die schöne Galatée taħt id-direzzjoni tas-surmast Bruno Weil inħarġet fl-2005, il-Festival ta' Lehár f'Bad Ischl tella' u rreġistra Fatinitza fl-2006, Dario Salvi u l-Orkestra Filarmonika ta' Janáček irreġistraw il-mużika inċidentali ta' Suppé għal Die Reise um die Erde in 80 Tagen (Madwar id-Dinja fi 80 Jum) u Mozart. Ir-Requiem ġiet irreġistrata fl-1997 bis-solisti u l-Kor u l-Orkestra Filarmoniċi ta' Krakovja taħt id-direzzjoni tas-surmast Roland Bader. The Musical Times iddeskriviet ir-reġistrazzjoni bħala xogħol mill-aqwa u enfasizzat is-siltiet iktar kwieti "bħala l-motiv orkestrali ossessiv li jappoġġa l-Liber scriptus, il-biċċa mużikali solista mill-isbaħ bl-oboe fil-bidu ta' Recordare, jew il-qawwa tal-vjolini tidwi fis-Sanctus qasir".
Ġew irreġistrati kollezzjonijiet tal-overtures ta' Suppé minn diversi surmastrijiet fosthom Sir John Barbirolli, Charles Dutoit, Neeme Järvi, Herbert von Karajan, Sir Neville Marriner, Zubin Mehta, Paul Paray u Sir Georg Solti. L-iżjed kollezzjoni estensiva li ġiet irreġistrata hi dik f'sitt volumi tat-tikketta Marco Polo, li nħarġet bejn l-1994 u l-2001 flimkien mal-Orkestra Filarmonika Statali Slovakka u diversi surmastrijiet.
Il-biċċa l-kbira tas-sorsi spellew l-isem b'aċċent akut. Dan l-aħħar xi kultant ġie spellut ukoll b'aċċent gravi, peress li jingħad li Suppé kien juża din il-forma meta kien jiffirma (ara l-istampa ta' hawn taħt); ismu nkiteb bl-aċċent akut fuq il-lapida tal-qabar tiegħu u fir-reġistru tal-magħmudija nkiteb mingħajr l-ebda aċċent.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.