Chichén Itzá
belt pre-Kolombjana / From Wikipedia, the free encyclopedia
Chichén Itzá kienet belt pre-Kolombjana kbira li nbniet mill-poplu Maja tal-perjodu Klassiku Terminali. Is-sit arkeoloġiku jinsab fil-Muniċipalità ta’ Tinúm, fl-Istat tal-Yucatán, il-Messiku.[1]
Chichén Itzá kienet punt ċentrali maġġuri fl-artijiet baxxi tal-Maja tat-Tramuntana mill-perjodu Klassiku Aħħari (bejn wieħed u ieħor mis-600 sad-900 W.K.) sal-perjodu Klassiku Terminali (bejn wieħed u ieħor mit-800 sad-900 W.K.) kif ukoll fl-ewwel biċċa tal-perjodu post-Klassiku (bejn wieħed u ieħor mid-900 sal-1200). Is-sit iħaddan diversi stili arkitettoniċi, li ġejjin minn stili preżenti fil-Messiku ċentrali kif ukoll mill-istili Puuc u Chenes tal-artijiet baxxi tal-Maja tat-Tramuntana. Fl-imgħoddi kien jingħad li l-preżenza ta’ stili tal-Messiku ċentrali kienet rappreżentattiva ta’ migrazzjoni diretta jew saħansitra konkwista mill-Messiku ċentrali, iżda l-interpretazzjonijiet l-iktar reċenti jsostnu li l-preżenza ta’ dawn l-istili mhux tal-Maja huma iktar ir-riżultat ta’ diffużjoni kulturali.[1]
Chichén Itzá kienet waħda mill-ikbar bliet tal-Maja u x’aktarx li kienet waħda mill-bliet il-kbar mitiċi, jew Tollans, imsemmija fil-letteratura Mesoamerikana iktar ’il quddiem.[2] Il-belt jaf kellha l-iktar popolazzjoni varjata fid-dinja tal-Maja, li seta’ kien fattur li kkontribwixxa għall-varjetà tal-istili arkitettoniċi fis-sit.
Il-fdalijiet ta’ Chichén Itzá huma proprjetà federali, u ż-żamma tas-sit hija responsabbiltà tal-Instituto Nacional de Antropología e Historia (l-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u l-Istorja) tal-Messiku.[3] L-art taħt il-monumenti kienet proprjetà privata sad-29 ta’ Marzu 2010, meta mbagħad inxtrat mill-Istat tal-Yucatán.[4]
Chichén Itzá hija wieħed mill-iktar siti arkeoloġiċi li jżuruh nies fil-Messiku, b’iktar minn 2.6 miljun turist fl-2017.[5] Il-belt antika ilha Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1988[1] u fl-2007 it-Tempju ta’ Kukulcan ġie meqjus wkoll bħala wieħed mis-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja.[6]