Castel del Monte, Puglia
kastell Medjevali f'Andria, Puglia, l-Italja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Castel del Monte (bit-Taljan litteralment tfisser "Kastell tal-Għolja"; bid-djalett ta' Bari: Castìdde du Monte) huwa ċittadella u kastell tas-seklu 13 li jinsab fuq għolja f'Andria fir-reġjun ta' Puglia fix-Xlokk tal-Italja. Inbena fis-snin 40 tas-seklu 13 mir-re Federiku II, li kien wiret l-artijiet fejn jinsab mingħand ommu Costanza ta' Sqallija. Fis-seklu 18, l-irħam ta' ġewwa l-kastell u l-bqija tal-għamara tneħħew. Ma għandux ħandaq jew pont sad-daħla tiegħu li jogħla u jinżel; fil-fatt uħud isostnu li qatt ma kien maħsub bħala fortizza tad-difiża.[1] Madankollu, minn xogħol arkeoloġiku li sar ġie suġġerit li oriġinarjament kellu ħajt diviżorju madwaru.[2] Is-sit ġie deskritt mill-Enciclopedia Italiana bħala "l-iktar kastell tal-għaġeb li nbena minn Federiku II".[3] Castel del Monte huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4] Il-monument jidher ukoll fuq in-naħa ta' wara tal-verżjoni Taljana taċ-ċenteżmu tal-ewro.[5]