L-Arċipelagu ta' Vega (bin-Norveġiż: Vegaøyan) huwa grupp ta' gżejjer fil-Baħar Norveġiż li bejn wieħed u ieħor jikkorrispondi għall-muniċipalità ta' Vega. L-arċipelagu tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1] Dan ir-raggruppament ta' madwar 6,500 gżira żgħira fil-kontea ta' Nordland, kemm kemm fin-Nofsinhar taċ-Ċirku Artiku, jinsab madwar il-gżira prinċipali ta' Vega u ilu abitat minn Żmien il-Ħaġar. Gżejjer oħra fir-raggruppament jinkludu Igerøya, Ylvingen u Søla.
Deskrizzjoni
Il-gżejjer huma xhieda ta' stil ta' ħajja sempliċi bbażat fuq is-sajd u l-ħsad tar-rix tal-edreduni, f'ambjent mhux ospitabbli. Hemm villaġġi tas-sajjieda, mollijiet, djar għall-edreduni (li nbnew għall-għasafar biex ibejtu fihom), raba' agrikolu u fanali. Hemm evidenza ta' insedjamenti umani minn Żmien il-Ħaġar 'il quddiem. Sas-seklu 9, il-gżejjer kienu saru ċentru importanti għall-provvista tar-rix, li milli jidher kien jirrappreżenta madwar terz tal-introjtu taċ-ċittadini tal-gżejjer.
L-Arċipelagu ta' Vega jirrifletti l-mod kif ġenerazzjonijiet sħaħ ta' sajjieda/bdiewa, matul dawn l-aħħar 1,500 sena, baqgħu jgħixu ħajja sostenibbli f'ambjent tal-baħar inospitabbli qrib iċ-Ċirku Artiku, abbażi tal-prattika issa unika tal-ħsad tar-rix tal-edreduni, u jiċċelebra wkoll l-kontribut tan-nisa fl-ipproċessar tar-rix tal-edreduni.
Wieħed jista' jaċċessa l-arċipelagu permezz ta' lanċa jew dgħajsa veloċi mir-raħal ta' Brønnøysund fil-muniċipalità ta' Brønnøy, aċċessibbli bl-ajruplan jew bil-karozza.
Sit ta' Wirt Dinji
L-Arċipelagu ta' Vega ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004, b'modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit fl-2017.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Żona Importanti għall-Għasafar
L-arċipelagu ġie identifikat bħala Żona Importanti għall-Għasafar mill-BirdLife International minħabba li jsostni popolazzjonijiet ta' wiżż griż u ta' wiżż Artiku, ta' endreduni, ta' bugħaddasa tat-Tramuntana, ta' marguni, ta' marguni tat-toppu, ta' ajkli tad-denb abjad, ta' beggazzini tat-Tramuntana u ta' mwies suwed.[2]
Referenzi
Wikiwand in your browser!
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.